Lokali Sport

Rikonoxximent lil Charles Camenzuli – 50 sena fil-ġurnaliżmu

Determinat li jiġbor l-esperjenzi tiegħu fi ktieb

Illum, il-ġurnalist u preżentatur Charles Camenzuli jiċċelebra anniversarju speċjali – 50 sena jaħdem ma’ In-Nazzjon u Net TV fil-ġurnaliżmu sportiv.

Il-ħidma tiegħu kienet rikonoxxuta waqt riċeviment li sar illum bejn il-ħaddiema ta’ Net Media, fejn Camenzuli ingħata tifkira tal-okkażjoni. Preżenti kien hemm fost l-oħrajn iċ-Chairperson tal-kumpanija Francis Zammit Dimech, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino u ċ-Chief Operations Officer ta’ Net Media Karl Gouder.

Charles Camenzuli beda uffiċjalment mal-gazzetta In-Nazzjon fis-sena 1974, meta dak iż-żmien l-editur Benny Pace kien tah opportunità biex jibda jaħdem f’dan is-settur bħala korrispondent f’diversi avvenimenti sportivi. Dan wara numru ta’ xhur jitħarreġ taħt għajnejn l-istess Pace.

Bħala preżentatur fuq Net TV, Charles Camenzuli jibqa’ sinonimu mal-programm ‘Sport Extra’ li ilu jipproduċih għal 26 sena sħaħ.

Charles Camenzuli huwa President tal-AIPS Europe, u Viċi President tal-AIPS – l-assoċjazzjoni tal-ġurnalisti sportivi. Dan apparti l-involviment tiegħu tul is-snin fl-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM).

Meta Camenzuli kien intervista lil Pele

Fi kliemu stess, Charles Camenzuli spjega kif matul dawn il-50 sena radd lura lill-isport l-enerġija u d-dedikazzjoni kemm fil-ġurnaliżmu u kemm fl-amministrazzjoni fejn ħadem bl-aktar mod professjonali.

Minn dik id-data ta’ 50 sena ilu ma ħarisx lura u jinsisti illi “illum jekk kelli nibda mill-ġdid ma nbiddel xejn minn dak li wettaqt u ksibt”.

Camenzuli jispjega illi l-ħajja ta’ ġurnalist tal-isport fiha xogħol delikat li iżda jekk imwettaq b’dedikazzjoni u b’mod imparzjali jwasslek biex tikseb ir-rispett ta’ kull min huwa f’dan il-qasam.

“50 sena ilu kien żmien iebes meta l-faċilitajiet kienu mill-inqas. Iżda kienu żminijiet sbieħ”.

Fuq il-media soċjali, hu rringrazzja nies bħal Benny Pace, Lewis Portelli, John Debattista, Antonio Castagna, Charles Fava, Henry Calleja u oħrajn li m’għadhomx magħna u li jixirqilhom post specjali.

Hawn, hu fakkar fl-ewwel intervista ma’ personalita’ (fost is-700 u aktar li għamel fil-karriera) Benny Pace kien qallu biex imur jintervista lil Pele’ meta dan kien f’pajjiżna.

“Issa wara dawn il-50 sena, iddeċidejt li nħejji l-ktieb”, stqarr Charles Camenzuli.