Ewropa Lokali

“Dan hu l-mument li rridu nwieġbu għas-sejħa tal-Ewropa” – Roberta Metsola fi Spanja

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet lill-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez li l-mexxejja għandhom jiżguraw li l-kisbiet tal-Unjoni Ewropea jinħassu min-nies f’kull belt, raħal u gżira.

“Irridu nkunu lesti li naraw fejn nistgħu nagħmlu aħjar. B’hekk nistgħu nġeddu l-proġett Ewropew,” saħqet il-President Metsola, hekk kif iltaqgħet mal-Prim Ministru Sanchez ….100 jum biss ‘il bogħod minn meta n-nies mistennija jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju li ġej.

Waqt iż-żjara tagħha f’Madrid, il-President Metsola indirizzat l-avveniment tat-30 sena anniversarju tal-organizzazzjoni tal-media El Mundo.

Waqt id-diskors tagħha, l-President tal-Parlament Ewropew qalet li hemm bżonn li n-nies jiġu mfakkra li l-libertajiet ma ġewx b’kumbinazzjoni.

Hija sellmet lill-ġurnalisti li ħallsu l-akbar prezz b’ħajjithom biex jissalvagwardjaw il-libertajiet tan-nies, fosthom Daphne Caruana Galizia.

Il-President Metsola rċeviet ukoll il-premju tal-Valuri Ewropej f’isem il-Parlament Ewropew mingħand Foro España Cívica u l-President tar-Reġjun ta’ Madrid.

Il-President qalet, li se jibqgħu jaħdmu aktar biex jippromwovu u jiddefendu l-valuri Ewropej – il-libertà, l-ugwaljanza, id-demokrazija u l-istat tad-dritt.

L-MEP Maltija pparteċipat ukoll f’diskussjoni maż-żgħażagħ bħala parti mill-kampanja ‘Oħroġ Ivvota’.