Sport Sport Ieħor

George Zammit huwa r-rebbieħ tar-raba’ unur TGS Fair Play Award

L-Għaqda Ġurnalisti Sports u l-Malta Fair PlayMovement ħabbru li r-raba’ unur tat-TGS Fair Play Award għall-perjodu bejn Ottubru u Diċembru 2023 ġie mogħti lis-sewwieq taż-żwiemel George Muscat.

Lejn tmiem it-tieni tiġrija li saret fil-Malta Equidrome nhar il-5 ta’ Novembru 2023, seħħ incident li ħafna ma ndunawx bih.

Id-debba Capuchin misjuqa miż-żagħżugħ Clint Gauci, inqalgħatilha r-ras li bil-konsegwenza ma setax jikkontrollaha.

Li kieku ma kinitx għall-azzjoni f’waqtha ta’ George Muscat li nduna x’kien qed jiġri, seta’ ġie ikkawżat incident serju.

Fil-fatt George Muscat li kien biż-żiemel Boom Boom Becker, meta ra dak li kien qiegħed iseħħ, saq viċin biżżejjed sabiex seta’ jaqbad lid-debba minn rasha u jwaqqafha u għalhekk ġie evitat kwalunkwe inċident.

Edward Licari, Direttur ta’ Together Gaming Solutions irrimarka li l-ġest f’waqthu ta’ George Muscat sabiex jgħin lill-kompetitur tiegħu waqt it-tiġrija huwa sinjal ċar ta’ sportività u altruwiżmu fl-aqwa tagħhom.

Il-preżentazzjoni tat-TGS Fair Play Award saret fil-preżenza ta’ Edward Licari, Direttur ta’ Together Gaming Solutions.

Charles Camenzuli f’isem il-Malta Fair Play Movement.

Għall-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti s-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-Amministratur Stephen Azzopardi.