Lokali

Il-Ministru Jonathan Attard jibqa’ ma jkellimx il-Kamra tal-Ġeoloġi wara li talbu laqgħa urġenti

Xahrejn ilu l-President tal-Kamra tal-Ġeoloġi talab għal-laqgħa urġenti mal-Ministru Jonathan Attard bil-għan li tiġi diskussa is-sitwazzjoni inaċċettabbli fil-mappa ġeoloġika ta’ pajjiżna iżda l-Ministru baqa’ sieket.

Fi stqarrija l-Kamra tal-Ġeoloġi qalet li l-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia tefgħet d-dawl fuq l-irwol indispensabbli li għandu ġeologu fis-settur tal-kostruzzjoni. Dan filwaqt li l-Inkjesta rrakkomandat ukoll li qabel ma jsir tħaffir ikun hemm rapport minn ġeologu li janalizza l-kundizzjoni tal-art li se titħaffer.

Il-Kamra tal-Ġeoloġi qalet ukoll li minkejja għaddew xahrejn minn meta talbu laqgħa huma xorta għadhom qed joffru l-parir professjonali tagħhom kemm lill-Gvern ta’ Robert Abela u l-entitajiet kollha kkonċernati bil-għan li n-nies ikunu protetti.

Apparti minn hekk, l-Inkjesta Pubblika qalet ukoll li l-mappa ġeoloġika ta’ pajjiżna mijiex korretta…mappa li saret mill-Continental Shelf Dipartment fi ħdan il-Ministru tal-Finanzi; dipartiment li m’għandux ġeologu wieħed.

Intant, fl-istqarrija l-Kamra tal-Ġeoloġi appellat lill-Gvern ta’ Robert Abela sabiex jaħtar servizz ġeoloġiku nazzjonali bħalma hemm f’kull pajjiż ieħorn fl-Ewropa.