Lokali

“Il-politiċi u l-awtoritajiet tal-Gvern jridu jibdew jerfgħu r-responsabbiltà ta’ għemilhom”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qatta’ n-nofstanhar ta’ dalgħodu fil-lokalità ta’ San Ġwann bħala parti mill-impenn tiegħu li jaħdem eqreb lejn il-Maltin u l-Għawdxin b’Ħidma fil-Lokalità.

Hawn, hu kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ bosta residenti u anke ma’ diversi sidien u ħaddiema fil-ħwienet. Fil-ħin li għadda jitkellem magħhom, hu seta’ jifhem aħjar il-ħtiġijiet u l-isfidi li jsibu ma’ wiċċhom ta’ kuljum, fost l-oħrajn il-problema u l-effett li qed tħalli fuqhom l-għoli tal-ħajja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li qed jagħmel dawn il-laqgħat qalb in-nies biex ikompli jisma’ u jiddjaloga fit-tfassil tal-politika li tkun magħmula min-nies għan-nies.

Meta tkellmu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, is-sidien, il-ħaddiema tal-ħwienet u r-residenti esprimew id-diżappunt tagħhom għan-nuqqas ta’ konsultazzjoni dwar il-pjazza. Huma tennew il-ħtieġa li jsiru l-istudji adattati biex ikun assigurat li ma ssirx ħsara għall-bini tan-nies. Dan anke fid-dawl tal-iżvilupp eċċessiv li qed isir fil-lokalità, bi problemi oħrajn li dan iġib miegħu, partikolarment bin-nuqqas ta’ sigurtà u biż-żieda fit-traffiku.

Waqt din iż-żjara, kienu bosta l-anzjani li tkellmu ma’ Bernard Grech fejn tennew it-tħassib tagħhom dwar iż-żamma tas-sigurtà f’pajjiżna, kif ukoll dwar il-ħtieġa li l-politiċi u l-awtoritajiet tal-Gvern jibdew jerfgħu r-responsabbiltà ta’ għemilhom.

Semmewlu, fost oħrajn, l-aħħar żviluppi wara l-Inkjesta ta’ Jean Paul Sofia, fejn tħassbu li ż-żagħżugħ seta’ kien binhom jew in-neputi tagħhom u li ma jistax ikun li kollox jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn.

Għal din iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat minn Deputati Nazzjonalisti tad-distrett, kif ukoll minn Kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Lokali u membri tal-Kumitat Sezzjonali.