Lokali Qorti

Il-Pulizija qalet lill-allegati vittmi ta’ Lourdes Home li l-każ huwa preskritt

L-allegati vittmi ta’ Lourdes Home li qed jgħidu li kienu qed jiġu abbużati minn xi sorijiet, b’waħda minnhom kienet tkun wara l-bieb lesta bl-injama f’idha u jekk xi tifla kien ikollha l-uniformi maħmuġa, kienet taqla’ d-daqqiet, kien ngħataw informazzjoni mid-depot tal-Pulizija, li l-każ huwa wieħed preskritt u li l-awtoritajiet ma setgħu jagħmlu xejn.

Irriżulta li kollox kienu 50 tifel u tifla u kien hemm żewġ sorijiet ma’ kull grupp. Bit-tfal ikollhom timetable stretta, li kienet tinkludi kull tip ta’ tindif, fejn kien isir swat għall-ebda raġuni ta’ xejn. Waħda mal-vittma sa qalet lill-Pulizija li kienet ġiet imsakkra f’kamra għal tliet ijiem meta kellha biss 10 snin.

Il-Ġimgħa kompliet tinstema il-kawża kostituzzjonali kontra l-istat dwar l-allegat abbuż ġewwa Lourdes Home li tinsab f’Għajnsielem, Ghawdex. Quddiem l-Imhallef Mark Simiana, is-Supretendent Kylie Borg mit-Taqsima tal-Vice Squad xehdet li fl-2022, irċievet l-ewwel kommunikazzjoni mill-kummissjoni għal harsien tat-tfal u l-adulti vunerbabli fi ħdan il-Knisja, dwar l-allegat vittmi u allegazzjonjiet dwar l-abbuż ġewwa l-istitut.

Żiedet tgħid li hija rċievet il-kommunikazzjoni wara li l-vittmi għamlu pressjoni mal-kummissjoni dwar x’sar mill-investigazzjoni. Qalet li wara tkellmet mal-allegati vittmi ġewwa l-ufficcju taghha fid-Depot tal-Furjana u semgħet l-istorja tagħhom, għarfithom li ma kienx hemm tant wisq xi jsir, u li l-pulizija ma setgħet tieħu l-ebda azzjoni minħabba li l-allegat abbuż imur lura għal madwar 30 jew 40 sena u huwa kkunsidrat bħala preskritt.

L-Imhallef Simiana staqsa lis-Supretendent jekk il-pulziija qadtx għamlet rapport formali dwar l-allegazjonijiet li dakinhar, l-allegati vittmi qassmu mal-pulizija, bix-xhud twieġeb li ma tiftakarx. Tgħid ukoll li din ma kinitx l-ewwel darba li tkellmu dwar l-allegat abbuż mal-pulizija. Is-Suprentendent Borg qalet li l-ewwel stqarrija li ttieħdet mill-allegati vittmi, kienet fl-2014, mill-Ispettur stazzjonat fl-għassa tar-Rabat Ghawdex.

Fis-seduta preċedenti żewġ nisa irrakkontaw fil-Qorti l-esperjenza orribbli tagħhom ta’ abbuż kontinwu meta kienu għadhom tfal li allegatament kien qed isir f’Lourdes Home f’Għajnsielem, Għawdex, abbuż li kien ilu sejjer sa mis-snin sebgħin.

In-nisa qalu li kienu jiġu msawwta għal xejn b’xejn minn soru partikolari. Din kienet tesponihom għall-affarijiet degradananti fejn minbarra swat, waħda mix-xhieda qalet li Sr Josephine Anne Sultana kienet saħanistra ġġiegħla tiekol ir-remettar tagħha stess. Esperjenza kerha kienet li Suor Josephine kienet qabdet tifla u daħlitilha idha fir-romblu tal-għassier tal-ħwejjeġ u spiċċat l-isptar.

Lejn l-aħħar ta’ Jannar li għadda mietet Madre Superjura Ġenerali tad-Dumnikani Carmelita Borg li fi snin tmenin kienet fit-tmexxija ta’ Dar Lourdes f’Għajnsielem Għawdex. Il-mewt tagħha ġrat ġimagħtejn wara li fil-Qorti nstemgħet xhieda xokkanti ta’ żewġ nisa li qattgħu tfulithom mas-sorijiet ta’ dan l-istitut.

Fix-xhieda tagħhom iż-żewġ nisa tkellmu dwar abbużi u swat li qalgħu minn Swor Josephine Anne Sultana u Swor Dorothy Mizzi bejn Diċembru tal-1975 u Ottubru tal-1984. F’dawk iż-żminijiet, Swor Carmelita Borg kienet il-Madre Superjura.

Il-vittmi ta’ dan l-abbuż jakkużawha li meta kienet fit-tmexxija ta’ dan l-istitut, hija għalqet għajnejha għat-tbatijiet li ġarrbu mis-sorijiet. Il-każ ikompli jinstema f’10 ta’ Mejju.