Folol imdaqqsin tal-attivisti Russi li jridu jgħixu ħajja libera u demokratika sfidaw il-potenzjal ta’ vjolenza biex isellmu għall-aħħar darba lil Alexei Navalny, il-Kap tal-Oppożizzjoni Russa li kien l-akbar uġigħ ta’ ras għall-President Russu Vladimir Putin u l-Kremlin….Dan meta, wara jiem ta’ inċertezza, sar il-funeral, f’Moska, għall-attivist ewlieni, magħruf madwar id-dinja, li miet mewta misterjuża waqt li kien qed jinżamm f’ħabs iżolat fil-qalba tas-Siberja.
Il-mewta ta’ Navalny għenet biex tgħaqqad lir-Russi li jridu jaraw destin aħjar għal pajjiżhom wara snin ta’ gwerra konsekuttivi u sistema ta’ ripressjoni istituzzjonalizzata li qed jinsistu biha Putin u l-ġerarkija tat-Tmexxija Russa.
Fil-fatt, ir-Russi li assistew għall-funeral ta’ Navalny qed jissugraw li jisfaw vittmi tal-‘Magna tal-Istat’ u meta mhux eskluż li ħafna minnhom huma diġà identifikati għall-arrest fis-sigħat li ġejjin.
Qabel id-difna ta’ Navalny fiċ-ċimiterju ta’ Borisovskoye, lejn il-limiti ta’ Moska. is-sostenituri tal-Kap tal-Oppożizzjoni repetew l-għajta li ‘mhuma se jinsewh qatt’…Dan minkejja l-preżenza massiċċa tal-pulizija fil-viċinanzi li magħhom kien hemm ukoll l-istakkamenti ta’ gwardjani mgħammdin li baqgħu jduru fost il-folol.
Meta t-tebut ta’ Navalny inħareġ mill-knisja fejn saritlu l-quddiesa funebri, ħafna fost il-folol bdew iwaddbu l-fjuri lejn il-hearse li kellu jwassal il-katavru lejn iċ-ċimiterju – u waqt li wħud instemgħu jgħajjtu l-kelma ‘qattiela’ lejn il-pulizija fl-inħawi. Spikka anki l-għajjat ta’ ‘ma rridux gwerra’ u ‘ir-Russja se tkun ħielsa’; bil-preżenza tal-uffiċjali għaz-zamma tal-liġi tiżdied minnufih fl-inħawi.
Qabel id-difna ta’ Navany, numru ta’ distinti barranin, fosthom l-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għar-Russja, kienu dehru viċin il-knisja fejn saret il-quddiesa b’sufraġju għar-ruħ tal-Kap tal-Oppożizzjoni Russa.
Dakinar li miet, Alexei Navalny kien qed jiskonta sentenza twila ta’ priġunerija wara li spiċċa kundannat dwar sensiela ta’ akkużi li dehru motivati minn skop politiku. U sallum ma ħarġet l-ebda informazzjoni konkreta u rrifjutabbli dwar il-kaġun ta’ mewtu, bil-mara tiegħu, Yulia Navalnaya, tkompli tinsisti li żewġha nqatel fuq l-ordni speċifika tal-President tar-Russja nnifsu.
//= $special ?>