Internazzjonali

L-Iran: Elezzjonijiet importanti fost is-sens tal- apatija relatat mal-atroċitajiet tal-2022

Il-poplu Iranjan qed jivvota fl-ewwel elezzjonijiet kruċjali mindu, fl-2022, seħħew id-dimostrazzjonijiet storiċi ta’ protesta kontra l-Gvern Iżlamiku li għad għandu poter assolut fil-pajjiż fundamentalista.

Dawn l-elezzjonijiet, intant, jitqiesu bħala eżami kruċjali għal-leġittimità u l-appoġġ fuq bażi nazzjonali għat-Tmexxija attwali f’Tehran – u partikularment għall-Ayatollah Ali Khamenei, li hu l-Mexxej Suprem tal-Istat.

Madankollu mistennija konkorrenza baxxa ta’ votanti, fost l-apatija ġenerali fost il-poplu wara l-inkwiet kbir li kien qam b’kaġun tal-mewt ta’ Mahsa Amini – il-mara li, fl-2022, tilfet ħajjitha wara li spiċċat arrestat mill-pulizija għaliex ma kenitx liebsa l-hijab ‘skont il-kriteriji tal-Islam’.

‘Il fuq minn 61.2 miljun Iranjan huma eliġibbli biex jivvutaw f’żewġ elezzjonijiet separati. L-elettorat irid itella lill-membri li jmiss tal-Parlament u bil-vot l-ieħor jirrigwarda l-għażla tal-membri tal-hekk-imsejħa Assemblea tal-Esperti f’Tehran.

Din l-Assemblea għandha d-dmir li tagħżel lill-Mexxej Suprem Iranjan – l-aktar persuna influwenti u l-Kap Kmandant li jieħu d-deċiżjonijiet ewlenin dwar l-issues importanti għall-poplu.

L-Ayatollah Khamenei, li ilu Mexxej Suprem għal aktar minn 30 sena, baqa’ sal-aħħar jinkoraġġixxi lill-Iranjani biex jivvutaw filwaqt li sostna li l-assenzi tan-nies ma kellhom jirrisolvu xejn fiċ-ċirkustanzi.

Madankollu, mistenni li ħafna Iranjani kienu se jibqgħu ġewwa, fost il-pronostiku li mal-41 fil-mija biss kienu se jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament…Ċifra li kapaċi tfisser l-inqas ‘turnout’ (fl-Iran) għal dawn l-aħħar tnax-il sena.

Jidher ukoll li l-protesti kbar tal-2022 kontra l-mewt ta’  Amini naqqset ħafna mill-ħerqa tal-Iranjani biex jivvutaw – u wara li l-awtoritajiet Iranjani kienu wieġbu bil-ponn tal-ħadid għad-dimostrazzjonijiet, bir-riżultat li mijiet sfaw maqtula jew midruba u b’oħrajn jispiċċaw arrestati; b’uħud minnhom anki jisfaw ikkundannati għall-mewt.

U minn dak iż-żmien ‘il hawn, il-klima soċjali u politika fl-Iran saret dejjem aktar ripressiva – b’ħafna sezzjonijiet tal-poplu mhumiex sodisfatti bil-mod kif qed imexxihom il-Gvern ta’ Khamenei.