Lokali Qorti

Ordni ta’ probation u multa għax ma kkoperax mal-uffiċjali tal-ħarsien tal-annimali

Żagħżugħ ta’ 23 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar ingħata probation ta’ tliet snin u multa ta’ €1,000 wara li nstab ħati li ma kkoperax mal-uffiċjali tal-ħarsien tal-annimali meta marru biex jiħdulu żewġt iklieb Damien Attard iżda ma nstabx mill-Maġistrat Rachel Montebello fuq l-akkuża l-aktar serja, dik ta’ moħqrija tal-annimali.

Il-Qorti iżda rrimarkat li ż-żagħżugħ ġie mixli wkoll b’akkuża differenti, dik li ġiegħel iż-żewġt iklieb tiegħu jsofru uġigħ, tbatija u dwejjaq u mhux li naqas milli jiżgura l-ħtiġijiet tal-annimali li għalihom kien responsabbli, u għaldaqstant l-akkuża l-aktar serja waqgħet. Il-każ seħħ f’Diċembru tal-2020 u qabel.

Mill-provi rriżulta li Attard kellu żewġt iklieb, wieħed pointer cross u l-oħra pitbull cross. Minn spezzjonijiet differenti li saru mill-uffiċjali għall-Ħarsien xieraq tal-Annimali, il-klieb instabu f’gallarija qalb il-ħmieġ. Minkejja dan huma kellhom id-dell u l-ilma. Huwa kien ġie mwissi mill-uffiċjali biex iżomm nadif.

F’waħda mill-ispezzjonijiet, qalb ir-riħa qawwija ta’ ħmieġ tal-klieb, instab barmil bl-ilma maħmuġ bil-ħmieġ tal-klieb. Żewġ persuni li kienu jgħixu faċċata taż-żagħżugħ xehdu li l-klieb kienu dejjem imħollija fil-gallarija waħedhom lejl u nhar u ma kinux jistgħu jidħlu ġewwa.

Fi spezjoni oħra l-klieb instabu magħluqa fil-kamra tal-banju qalb il-ħmieġ tal-klieb. Hemm kien hemm barmil maħmuġ u l-klieb kienu qed jixorbu l-ilma tat-toilet. Minkejja dan huma kellhom l-ikel għad-dispożizzjoni tagħhom.

F’waħda mill-ispezzjonijiet ġie deċiż biex tinħareġ ordni biex il-klieb jiġu konfiskati. Mix-xhieda ħareġ li l-imputat ma riedx jikkopera mal-uffiċjali għall-ħarsien xieraq għall-annimali u l-pulizija. Huwa rrifjuta li jagħtihom il-klieb. 

Għall-ewwel huwa sakkar il-kamra tal-banju bil-klieb ġewwa u wara aċċetta li jagħtihom il-pointer cross iżda ried iżomm il-pitbull. Wara ħafna ħin aċċetta li jniżżel il-kelba hu stess iżda prova jibqa’ sejjer biha u twaqqaf mill-pulizija.

Kif kellu d-dritt li jagħmel skont il-liġi Damien Attard għażel li ma jixhidx fil-Qorti iżda mal-Pulizija qal li kien qed joqgħod f’lukanda u kellu żewġt iklieb, li kienu ilhom għandu sena u nofs. Qal li minkejja li vera ġie mwissi biex iżommhom f’kundizzjoni aħjar huwa sostna li kien iżomm il-bieb tal-gallarija miftuħ biex jidħlu u joħorġu xħin iridu.

Tenna li kien jitmagħhom b’mod regolari, iżommhom sew, joħroġhom kuljum u jittrattahom bħala familja. Ċaħad li qatt sakkarhom fil-gallarija u qal li jixtieqhom lura. Qal li ma koperax meta marru biex jiħduhomlu, għax il-klieb kienu parti mill-familja tiegħu u ma kienx faċli għalih jarahom jittieħdu mingħandu.

Wara li fliet il-provi, il-Qorti, qalet li mix-xhieda joħroġ ċar li l-imputat kien iħalli l-klieb waħedhom mingħajr ma provdilhom l-eżerċizzju adegwat u kumpanija ta’ bniedem. Qalet li hi konvinta li l-klieb kienu qed jinżammu maqfula. Lanqas ma emmnet lill-imputat li kien joħroġhom kuljum minħabba l-ħmieġ li nstab waqt l-ispezzjonijiet.

Meta qieset kollox iżda, l-Qorti qalet li mhix konvinta li ġie provat li klieb batew uġigħ, tbatija jew dwejjaq. Innotat kif għalkemm ma kinux qed jinżammu kif xieraq, Attard ma ġiex mixli bi ksur tal-artiklu tal-liġi li jirrigwardja dan. Qalet li hu ġie mixli li ġiegħelhom isofru wġigħ, tbatija u dwejjaq bla bżonn u mhux li naqas milli jieħu l-passi raġenvoli biex jiżgura li jieħu ħsieb il-ħtiġijiet tal-annimali.

Il-Qorti sostniet li r-reati li l-imputat jiġi mixli bihom irid ikunu faċilment identifikati minn qari sempliċi taċ-ċitazzjoni. Meta ġiet biex tagħti s-sentenza tagħha, il-Qorti, ħadet f’kunsiderazzjoni l-kondotta tiegħu li diġà kienet imċappsa.

Qieset ukoll li meta twettaq ir-reat kellu biss 21 sena u għalhekk l-aġir tiegħu kien dovut għall-immaturità tiegħuQalet li hu ma apprezzax l-impenn li jġibu magħhom l-annimali. Qalet mhux każ li l-imputat ma kienx iħobbhom jew li ried jaħqarhom

Sostniet li l-aġir tiegħu, meta ma riedx jagħti l-klieb u prova jitlaq b’wieħed minnhom, kien xprunat minn sentimenti ġenwini li l-imputat kellu għall-klieb. Madankollu, ma weriex impenn u maturità biżżejjed fit-trobbija u l-ħarsien tal-istess klieb.

Huwa ma nstabx ħati ta’ moħqrija iżda nstab ħati li ma koperax mal-uffiċjali tad-direttorat tal-ħarsien tal-annimali u poġġietu fuq ordni ta’ probation għal tliet snin. Qalet li l-ordni ta’ probation għandha sservi bħala gwida biex jagħraf ir-responsabbiltajiet tiegħu u fosthom biex jindirizza l-problemi li għandu fosthom l-abbuż mill-kannabis u biex jimmatura u jżomm ’il bogħod mill-kriminalità. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ryan Vella.