Lokali Parlament

Robert Abela għamel minn kollox biex ma ssirx l-inkjesta pubblika dwar Jean Paul Sofia


Paula Mifsud Bonnici, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici qalet fil-parlament li l-Prim Ministru Robert Abela għamel minn kollox biex ma ssirx l-inkjesta pubblika dwar Jean Paul Sofia.


Paula Mifsud Bonnici qalet li Joseph Muscat għamel l-istess kif qed jagħmel Putin fir-Russja fil-qtil ta’ Alexei Nanalny u kien ipprova jwaqqaf milli ssir inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Muscat kellu kull interess li ma ssirx inkjesta pubbliku għaliex kienet se tikxef ir-responsabbiltà tal-Istat fil-qtil.


Sal-lum il-Prim Ministru Robert Abela għadu sa-lum ma implimentax ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta dwar Daphne Caruana Galizia.


L-istess sitwazzjoni kienet fil-każ ta’ Jean Paul Sofia fejn il-gvern għamel minn kollox biex din l-inkjesta pubblika ma ssirx. Il-Prim Ministru kellu jċedi biss wara l-pressjoni u l-perseverazzjoni tal-familja ta’ Jean Paul Sofia.


Id-deputat Nazzjonalsta qalet li bħal Putin u Muscat, il-Prim Ministru Robert Abela kien jaf li din l-inkjesta kienet se toħroġ il-verità. Kieku l-gvrn għamel xogħlu sew ma kinux imutu Miriam Pace u Jean Paul Sofia u ma kinux iseħħu d-diversi inċidenti oħra.


Il-gvern issa qed iġiegħel lil diversi uffiċjali ta’ awtoritajiet biex jirriżenjaw meta dawn kienu appuntati mill-istess gvern iżda l-gvern u l-ministri jibqgħu ma jridux jerfgħu r-responsabbiltà.