Lokali Parlament

Robert Abela pproġetta lilu nnifsu bħala l-Istat; għalhekk hu responsabbli


Claudette Buttigieg, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li l-Prim Ministru Robert Abela pproġetta lilu nnifsu bħala l-Istat; għalhekk hu responsabbli.


Claudette Buttigieg qalet li fis-seduta tas-6 ta’ Lulju 2023, il-Prim Ministru kien ipprova jikkonvinċi lill-parlament li s-sejħa biex issir inkjesta pubblika ma kienx hemm bżonn u kienet kważi għad-detriment għall-proċess kollu. Dik kienet is-seduta li fiha l-familja ta’ Jean Paul Sofia kienu fil-parlament u sostnew li l-parlament imissu jistħi għaliex dak li seħħ kien inaċċettabbli.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li f’dak id-diskors il-Prim Ministru kien ipproġetta lilu nnifsu qisu kien l-Istat u għalhekk l-inkjesta sabet lilu ħati. Il-Prim Ministru kien qal li ‘hu min hu u hi min hi’, trid tintrefa’ r-responsabbiltà.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li minn kemm ilha li saret it-traġedja ta’ Sofia, il-PBS qatt ma intervista lil Isabelle Bonnici. Dan hu disservizz assolut mill-istazzjoni tal-pubbliku, sostniet Claudette Buttigieg, li issa l-PBS se jagħmel l-ewwel intervista lil Isabelle Bonnici biex jipprovaw juru li qed jagħmlu xi ħaġa. Kien hemm ġurnalisti li riedu li Isabelle Bonnici tkun intervistata iżda kien hemm direttiva minn fuq biex din l-intervista ma ssirx.


Claudette Buttigieg sostniet li hemm ukoll in-nuqqas tal-informazzjoni u qalet li din twassal biex ikun hawn nies fil-pajjiż li lanqas jafu b’dak li qed iseħħ.


Id-deputat Nazzjonalista sellmet lid-deputat Laburista Randolph Debattista li ammetta li kien iħossu jistħi quddiem din is-sitwazzjoni. Hi kkitikat lill-gvern għall-burokrazija u qalet li r-regoli qiegħdin hemm biex jipproteġu lid-dgħajfa li ma jkollhomx vuċi.