Rumen ta’ 69 sena tilef ħajtu wara li sab ruħu f’diffikultà fil-bajja ta’ St Peter’s Pool.
L-inċident seħħ il-Ġimgħa waranofsinhar għall-ħabta tas-1:30 hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata li
kien hemm persuna li kien fil-baħar u li kellu bżonn l-assistenza fil-bajja ta’ St Peter’s Pool f’Delimara limiti ta’ Marsaxlokk.
Mill-ewwel investigazzjonijiet li saru jidher li għal xi raġuni r-Rumen kien waqa’ fil-baħar u sab ruħu f’diffikultà. Il-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta ġew infurmati sabiex jassistu, fejn tellgħu lir-raġel mill-baħar u ddaħħal f’Xatt it-Tiben, il-Furjana.
Ir-Rumen ingħata l-għajnuna wkoll minn tim mediku fejn sfortunatament ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Giannella Camilleri Busuttil li ħatret inkjesta filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet.
//= $special ?>