Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal anzjan li ammetta li tajjar tifel u tifla fl-Imqabba minn fuq il-‘lights’ ħomor

Anzjan ta’ 72 sena mill-Qrendi ġie kundannat 14-il xahar ħabs, sospiżi għal erbgħa snin u mmultat €200 wara li ammetta li kkaġuna ġrieħi gravi fuq tifel u tifla li kienu qed jaqsmu t-triq minn fuq id-dawl aħmar, fl-Imqabba. Iż-żewġt itfal kellhom 14-il sena meta seħħ l-inċident, sena u ħames xhur ilu.

L-inċident tat-traffiku seħħ fil-5 ta’ Ottubru 2022, għall-ħabta tat-3pm. fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija. Huma ntlaqtu minn Volkswagen Polo misjuqa minn Michael Mangion. It-tfal kienu ttieħdu b’urġenza l-Isptar Mater Dei, fejn kienu ġew ċertifikati li sofrew minn ġrieħi ta’ natura gravi.

Huma kienu ntlaqtu waqt li kienu qed jaqsmu t-triq fi pelican light crossing. L-anzjan ammetta li saq il-vettura b’manjiera traskurata, perikoluża u bla kont. Li waqt li kien qed isuq l-imsemmija vettura u riesaq lejn Pedestrian Crossing li taħdem bid-dawl naqas li jnaqqas l- veloċita’ u jieqaf waqt li kien qed jixgħel dawl aħmar.

Ammetta wkoll quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, li waqt li kien qed isuq l-imsemmija vettura u riesaq lejn l-istess Pedestrian Crossing naqas li jnaqqas il-veloċità u jieqaf waqt li kienet qed tiġi wżata mill-pubbliku. Huwa ammetta wkoll li naqas li jagħti l-partikolaritajiet tiegħu u d-dettalji tal-vettura li kien qed isuq kif mitlub bil-liġi.
Gwardjan Lokali

Mangion li tressaq il-Qorti mill-Ispettur Charlotte Curmi ammetta wkoll li b’nuqqas ta’ ħsieb, bi traskuraġni, jew b’nuqqas ta’ ħila kkaġuna offiża gravi fuq tifel u tifla li gabet il-konsegwenzi għal saħħithom, skont kif iċċertifikaw it-tobba Jessica Chetcuti u Thomas Azzopardi.

Il-Qorti qieset il-fatt li fis-seduta tal-10 t’Ottubru 2023, l-anzjan irreġistra ammissjoni għall-imputazzjonijiet kollha miġjuba fil-konfront tiegħu, bil-Qorti wissietu b’mod l-aktar solenni
fuq il-konsegwenzi legali ta’ dik it-tweġiba, u ngħata żmien xieraq sabiex jekk irid jerġa’ lura minnha.

Michael Mangion minn naħa tiegħu reġa’ kkonfemra l-ammissjoni għall-akkużi kollha miġjubin fil-konfront tiegħu, u fuq l-ammissjoni volontarja u nkondizzjonata tiegħu, l-Qorti qalet li m’għandhiex triq oħra ħlief li ssib lill-imputat ħati ta’ l-akkuħi kollha miġjuba fil-konfront tiegħu.

Meta ġiet biex tagħti l-piena l-Qorti kkunsidrat l-aktar fl-ammissjoni bikrijja tiegħu. Minbarra sentenza sospiża u multa, l-Qorti naqqset 31 punt minn fuq il-liċenzja tas-sewqan tiegħu, u ghalhekk ordnat ir-revoka sħiħa tal-liċenzja tas-sewqan tiegħu.