Internazzjonali

Aktar minn 30,000 Palestinjan sfaw maqtula mill-bidu tal-gwerra

In-numru ta’ Palestinjani mejta fil-Medda ta’ Gaza issa telgħu għal aktar minn 30,300 sa mil-bidu tal-attakki lura fis-7 ta’Ottubru tas-sena li għaddiet.

Dan ġie żvelat mill-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza li preżentament huwa mmexxi mill-Ħamas… bl-imwiet żiedu bi 92, minn 24 siegħa l’hawn. Dan filwaqt li 71,533 persuna sfaw midruba sa mill-bidu tal-gwerra.

Intant, fl-aħħar stadji tan-negozjati għall-waqfien mill-ġlied, għad ma hemmx qbil dwar jekk l-forzi Iżraeljani hux se jirtiraw mit-Tramuntana ta’ Gaza sabiex jirritornaw ir-residenti li kienu jgħixu hemm.

Minkejja li għad m’hemmx qbil f’dan ir-rigward, skont sorsi barranin, l-Iżrael u l-Ħamas laħqu ftehim fuq it-tul ta’ żmien tal-istess qbil, kif ukoll fuq l-fatt li għandhom jinħelsu l-priġunieri u l-ostaġġi.

Fid-dawl ta’ dan, issa, il-medjaturi għandhom ġimgħa sabiex jilħqu ftehim… ġimgħa sal-10 ta’ Marzu li jimmarka l-bidu tar-Ramadan. Data illi l-kabinett tal-gwerra Iżraeljana ħabbar bħala l-ġurnata li se jiftħu offensiva f’Rafah, jekk il-Ħamas ma jeħilsux l-ostaġġi.

Dan filwaqt illi fl-aħħar sigħat, minn tal-inqas 11 sfaw mejta u 50 midruba f’attakk li fetaħ l-Iżrael fuq il-Palestinjani fl-aħħar sigħat. Dan meta l-Iżraeljani attakkaw tinda ta’ akkomadazzjoni fl-entratura tal-isptar f’Rafah.

Intant, il-President tal-Istati Uniti Joe Biden, matul il-jum tas-Sibt, iddikjara illi jittama li sar-Ramadan ikun intlaħaq ftehim għal waqfien mill-ġlied fil-Medda ta’ Gaza. Biden, fl-aħħar sigħat bagħat l-ewwel għajnuna bl-ajru f’Gaza, fejn niżlu 66 kaxxa mimlijin b’madwar 38,000 ikliet.