“Jiena vittma”. Hekk iddikjara d-deputat Carmelo Abela meta s-Sibt filgħodu kien qed iwieġeb domandi tal-Professur Andrew Azzopardi dwar dak li qalu l-aħwa Degiorgio fil-Qorti.
L-aħwa Degiorgio taħt ġurament ikkonfermaw dak li ilhom jgħidu: li l-eks Ministri Carmelo Abela u Chris Cardona kienu involuti fl-attentat ta’ hold-up fuq l-HSBC f’Ħal-Qormi.
George u Alfred Degiorgio, kienu qed jixhdu fi proċeduri ta’ malafama li l-eks ministru Carmelo Abela fetaħ kontra l-Avukat Jason Azzopardi fuq kummenti li kien għamel fuq il-media soċjali dwar dak li seħħ fl-2010.
“Għaliex qed isemmu lilek?”, saqsa Andrew Azzopardi. “Nixtieq inkun naf”, wieġeb Carmelo Abela.
Carmelo Abela ilu 28 sena Membru Parlamentari. U wara l-elezzjoni tal-2022, il-Prim Ministru ma kienx inkludih fil-Kabinett – iżda żammu fil-partit.
Ma’ Andrew Azzopardi, id-deputat Laburista qal li Jason Azzopardi qiegħed man-naħa tal-kriminali. Dan filwaqt illi wera biċ-ċar li mhux se jfittex lill-aħwa Degiorgio għall-akkużi serji li qed jagħmlu kontrih.