Lokali

Il-Partit Nazzjonalista b’Maratona Ġbir ta’ Fondi ‘Il-Bidla Li Hemm Bżonn’

Għada għandna bżonn l-għajnuna tagħkom biex inkomplu nwasslu servizz eċċelenti  lil pubbliku.

Kien dan il-messaġġ li wasal,  Alex Perici Calascione l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif nhar il-Ħadd se ssir il-Maratona Ġbir ta’ Fondi bit-tema ‘Il-Bidla li Hemm Bżonn’ – maratona li tibda mis-2pm ‘il quddiem.

Il-Viċi Kap tal-PN spjega li l-istazzjonijiet ta’ Net Media dejjem għandhom l-obbligu li jagħmlu l-aħjar biex iwasslu l-aħbarijiet u l-messaġġ tal-PN. Pero fil-preżent dan l-obbligu huwa doppju għax hemm żbilanċ kbir minn naħa tal-istazzjon nazzjonali. Dan l-iżbilanċ jitfa’ responsabiltà kbira fuq l-istazzjon u għalhekk hemm bżonn iżjed fondi

Alex Perici Calascione aċċena wkoll għal-fatt li biex il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jwassal servizz tal-ogħla kwalita jrid kontinwament jinvesti f’teknoloġija moderna li tiswa’ ammont sostanzjali ta’ flus.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Maratona Ġbir ta’ Fondi se tgħin biex kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll Net Media jkollhom vuċi b’saħħitha ħalli ma jirnexxix kull tentattiv li jsir mill-Gvern ta’ Robert Abela biex l-affarijiet ħżiena li jiġru jintefgħu taħt it-tapit.

Karl Gouder, Chief Operations Officer ta’ Net Media  min naħa tiegħu spjega kif il-fondi li jinġabru matul il-martoni qed juru l-frott hekk kif skont is-surveys Net TV ikkonferma ruħu bħala l-istazzjon privat numru wieħed f’pajjiżna; bl-akbar numru ta’ udjenzi.

Din il-maratona hija waħda kruċjali wkoll għaliex ninsabu viċin ferm tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-kunsilli. U għalhekk hija inizjattiva tassew importanti.

Is-survey ippublikat mil-Broadcasting Authority juri li Net TV huwa l-aqwa stazzjon privat f’pajjiżna, bi drama li taqbeż dik tal-PBS u programmi ta’ ġrajjiet kurrenti li qed jissuperaw l-udjenzi tas-Super One.

Anke l-aħbarijiet ta’ Net News jissuperaw il-propaganda li tixxandar fil-media Laburista, b’numri li jaqbżu dawk ta’ One News fil-maġġoranza tal-ġranet.