Lokali

“Għaddew aktar minn 72 siegħa u għadu ħadd ma refa’ r-responsabbiltà politika” – PN

Fi stqarrija l-Partiti Nazzjonalista qal li issa għaddew aktar minn 72 siegħa minn meta ġiet ippubblikata l-Inkjesta Pubblika li sabet lill-Gvern ħati ta’ “nuqqasijiet ħoxnin” u li qalet li ta’ dan trid tintrefa’ r-responsabbiltà.

Imma s’issa, la Robert Abela u lanqas il-Ministri responsabbli għadhom ma ġarrew l-ebda responsabbiltà tan-nuqqasijiet tagħhom.

Anzi, Robert Abela qed jipprova jagħmel bħal Pilatu u jaħsel idejh minn kull responsabbiltà li għandu l-Gvern tiegħu.

Kif diġà tenna fil-Parlament il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jesiġi li għandha tinġarr ir-responsabbiltà politika minn Robert Abela, Miriam Dalli, Stefan Zrinzo Azzopardi u Silvio Schembri, li huma responsabbli għan-nuqqasijiet li saru u li ppruvaw jaħbu l-verità meta ħadmu kontra li ssir Inkjesta Pubblika s-sena li għaddiet.