Lokali

“Gvern li spiċċa kasbar omm” – Bernard Grech

“Il-Gvern ta’ Robert Abela spiċċa kasbar omm”.

Dan sostnieh il-Kap tal-PN Bernard Grech waqt id-diskors tiegħu fi tmiem ġurnata impenjattiva li għamel fil-lokalità ta’ San Ġwann, matul il-jum tal-Ġimgħa fejn kellu diversi żjarat – fosthom fi ħwienet u stabbilimenti, fil-Każin tal-Banda ta’ San Ġwann u l-club tal-futbol ta’ San Ġwann. Bil-ġurnata tintemm fil-każin tal-PN, b’laqgħa mal-attivsti.

Hawn, Bernard Grech sostna li l-aktar li spikka mill-kummenti tan-nies tul din il-ġurnata kien meta saqsewh kif jista’ jkun li ħadd għadu ma’ refa responsabbiltà wara li l-Inkjesta qalet b’mod ċar li l-Istat huwa responsabbli għat-traġedja ta’ Jean Paul Sofia. 

U għalhekk, saħaq illi l-Ministri responsabbli għandhom jerfgħu r-responsabbiltà politika.

L-Inkjesta Pubblika uriet biċ-ċar illi Jean Paul Sofia “miet f’sit li ma kien ikkontrollat mill-ebda awtorità regolatorja. Saru żballji ħoxnin li xi ħadd għandu d-dmir li jerfa’ responsabbiltà għalihom. U dan għandu jkun l-Istat”.

Il-Bord li mexxa l-investigazzjoni iddeskriva din l-istorja bħala traġedja ta’ comedy of errors fejn kulħadd mexa fuq il-binarju tiegħu “bla ma jrendi kont lejn ħadd”.

Intant, waqt din il-laqgħa f’San Ġwann Bernard Grech kellu l-opportunità jisma’ lil numru ta’ residenti li tkellmu dwar it-telqa li tinsab fiha l-lokalità ta’ San Ġwann, mmexxija minn Sindku Laburista – fejn jidher li hemm numru ta’ toroq bla dawl u telqa fl-ispazji pubbliċi.

Bernard Grech irringrazzja lill-attivisti Nazzjonalisti tal-għajnuna li joffru lill-PN sabiex imexxu l-messaġġ tiegħu. Dan filwaqt li tkellem dwar l-importanza li b’ħidma waħda u magħquda, ikompli jsir xogħol importanti bi preparazzjoni għall-elezzjonijiet li se jsiru f’Ġunju li ġej.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm s-Shadow Ministers Joe Giglio, u Albert Buttiġieġ, flimkien mal-eks sindki Nazzjonalisti tal-lokalità ta’ San Ġwann, numru ta’ attivisti u residenti ta’ San Ġwann.