Internazzjonali

Hemm possibbiltà li jitħabbru numru ta’ bidliet fit-tmexxija militari tal-Ukreni

Il-kmandant tal-forzi armati Ukreni, ħabbar li hemm possibbiltà li se jkun qed ibiddel numru ta’ mexxejja militari fil-Lvant.

Gen Oleksandr Syrskyi stqarr illi tlett ijiem ta’ ħidma urew ċar għalfejn numru ta’ suldati kienu qed iżommu r-Russi milli jattakkaw filwaqt li oħrajn le. U huwa għalhekk li jista’ jkun li jbiddel numru ta’ mexxejja militari – billi jneħħi l-mexxejja illi kkaġunaw periklu għall-ħajja tat-truppi Ukreni bil-kmand tagħhom.

Dan jiġi wara li l-Ukrajna tilfet il-belt ta’ Avdiivka, hekk kif issa assedjawa r-Russi, minkejja l-ġlied kifer li kienu għaddejj għal xhur sħaħ. Apparti minn hekk din il-ġimgħa l-Ukreni rtiraw minn żewġ irħula qrib Avdiivka hekk kif tilfu aktar territorju wara li ħabbru li l-armi u l-munizzjoni mill-alleati tal-Punent qed jonqsu drastikament.  

Minkejja dan kollu, il-kmandant Ukren insista li s-sitwazzjoni fuq il-fruntieri hija waħda diffiċli imma kkontrollata.

Intant, il-President Ukren Volodymyr Zelensky stqarr illi d-deċiżjoni li t-truppi Ukreni jirtiraw minn Avdiivka saret sabiex ikunu jistgħu jiġu salvagwardjati aktar ħajjiet.