“Ġawhra f’Qalbi… bħalek jien ma nsib imkien”, żewġ versi meħuda mir-ritornell tas-silta Ġawhra f’Qalbi, kanzunetta ġdida bil-Malti, b’kompożizzjoni u lirika ta’ Mark Scicluna f’kollaborazzjoni ma’ Janice Mangion.
Janice Mangion hija isem sinonimu mal-użu tal-lingwa Maltija fil-kanzunetta, hekk kif wara n-nuqqas ta’ din l-istess lingwa fid-dinja tal-Malta Eurovision Song Contest, hija ħadet ċans, u issottomettiet Kewkba, lura fl-2017.
Fejn klassifikat fit-tieni post, u minn dakinhar ħarġet b’numru ta’ kanzunetti li ħallew impatt fl-industrija lokali fosthom: ‘Għadu Mhux il-Waqt’ mill-festival L-Għanja tal-Poplu, ‘Teżor’ mill-ewwel edizzjoni ta’ Mużika Mużika kif ukoll: ‘Warda’,’Xewqti’ u l-ewwel kanzunetta li hija kitbet bil-Malti, ‘Sajjetta fil-Bnazzi’.
F’vidjo mtella’ fuq il-midja soċjali aktar kmieni din il-ġimgħa, il-kantawtriċi stqarret li ‘kien wasal iż-żmien li nerġa’ nikteb kanzunetta. L-idea tberren f’moħħi kienet il-metafora tal-ġawhar prezzjuż li wieħed jgħożżu daqskemm jgħożż lil dawk li huma għeżież f’ħajjitna.’
Bil-għan li tippromovi l-kanzunetta Ġawhra f’Qalbi, il-kantawtriċi u t-tim tagħha ħolqu immaġni mill-isbaħ bl-għajnuna ta’ Kurt Cauchi fil-bini storiku ta’ Palazzo Parisio. Dwar l-għażla tal-post, Janice stqarret li mill-ewwel ‘ħsibt f’dan il-post, jista’ jkun minħabba l-konenut tal-lirika, għaliex fih ċertu preġju.
Ġawhra f’Qalbi hija disponibbli biex tindaqq jew tinxtara fuq il-pjattaformi ewlenin tal-mużika diġitali fosthom: Spotify, Deezer, Google Play, Amazon and iTunes.
//= $special ?>