Jinkixef il-qerq tal-Gvern li jgħid mod f’Malta u fi Brussel isir il-kontra – Peter Agius
‘Ma jistgħux jibqgħu jingannaw lin-nies fuq dak li jagħmlu fl-Ewropa! F’Malta jgħidu li se jipproteġu lill-konsumatur mill-għoli tal-prezzijiet tal-mediċini, imbagħad jivvutaw għad-Direttiva li tagħmel eżattament l-oppost fi Brussell.”
Dan hu dak li qal Peter Agius, Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, b’reazzjoni għall-pożizzjoni tal-Gvern fil-Kunsill tal-Ministri nhar il-ġimgħa, fejn Malta vvutat favur Direttiva tal-UE dwar it-trattament tal-ilma li mistennija tgħolli l-prezz tal-mediċini.
Id-Direttiva kontroversjali tipproponi li tpoġġi l-ispiża tat-trattament tal-ilma fuq il-kumpaniji farmaċewtiċi li mistennija jgħaddu l-ispiża fuq il-konsumatur.
Peter Agius, jispjega li d-Direttiva l-ġdida se jkollha impatt triplu fuq pazjenti Maltin li diġà jħallsu prezzijiet ogħla għall-mediċini meta mqabbla mal-Ewropej. Malta għandha wkoll problema bl-aċċessibilita’ għal-mediċini fejn bosta mediċini li ssibhom fl-Ewropa ma ssibhomx f’pajjiżna.
Data komparattiva mill-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji Farmaċewtiċi fil-fatt turi li Malta hija l-aħħar fil-lista fejn jidħol in-numru ta’ mediċini koperti mill-formularju tas-saħħa pubblika kif ukoll għad-disponibbiltà tal-mediċini (ara stampa 1 fl-anness). Filwaqt li 45% tal-mediċini jkunu koperti b’xejn fl-Ewropa, f’Malta dak il-persentaġġ jinżel għal 6%.
F’Ottubru 2023 il-Ministru Miriam Dalli ħarġet stqarrija fejn qalet li hija ser tiddefendi lill-Konsumatur Malti fin-negozjati fi Brussell dwar Direttiva ġdida fuq it-trattament tal-ilma. Pero mbgħad din il-ġimgħa l-Gvern Malti ivvota favur din id-Direttiva fil-Kunsill tal-Ministri mingħajr ma daħħal l-ebda protezzjoni għall-konsumatur Malti. Id-Direttiva anzi tgħid li l-produtturi tal-mediċini iridu jibdew iħallsu 80% tal-ispiża relatata mat-trattament tal-ilma. Din l-ispiża mistennija tgħaddi fuq il-prezzijiet tal-mediċini skont l-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Farmaċewtika u l- ‘Medicines for Europe’ li qalu wkoll li d-Direttiva mistennija taffettwa l-aktar il-konsumaturi li l-anqas jifilħu jħallsu li ser ikollom iħallsu aktar għall-mediċini l-aktar użati.
Peter Agius segwa mill-qrib in-negozjati dwar id-Direttiva u qal li s-sitwazzjoni tal-mediċini f’Malta għanda turina kemm huwa importanti li fl-Ewropa naraw li ma nkomplux ngħollu l-prezzijiet tal-mediċini.
“X’jagħmel il-Gvern minflok? Jimbotta għal Direttiva tal-UE li se twassal għal żidiet fil-prezzijiet u sfidi akbar għad-disponibbiltà tal-mediċini! Diffiċli tifhem il-loġika fl-azzjonijiet tal-Gvern fi Brussell. Dan iżid mal-lista ta’ raġunijiet li għalihom jeħtieġ li naraw vuċi aktar b’saħħitha għal Malta fl-Ewropa fl-elezzjonijiet tal-MEPs li ġejjin fit-8 ta’ Ġunju.”
//= $special ?>