Lokali

“Qed naraw li kull mudell tal-Gvern huwa ‘cloning’ tal-istess metodi”

F’analiżi li saret waqt il-programm Opinjoni, l-Opinjonista Pierre Portelli rrimarka kif qed naraw li kull mudell li qed juża’ l-Gvern Laburista huwa wieħed ta’ cloning tal-istess metodi li rajna fil-passat li wasslu biex ħadna daqqa fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Portelli kien qed jagħmel referenza għall-persuni li kienu akkwistaw l-art li fuqha kienet qed tinbena l-fabbrika f’Kordin – l-istess binja li ġġarfet, u li ħasdet il-ħajja ta’ Jean Paul Sofia.

“Ħadd mhu jara illi dan huwa mudell kkupjat minn tal-Vitals?” staqsa Portelli. “Illi meta kellek nies fil-kabinett illi għamlu proposta għal dak it-tip ta’ negozju mal-Gvern li jagħmlek sinjur mil-lejl għan-nhar, issa qed naraw cloning ta’ dan il-metodu. U min jaf kemm hawn iktar.”

Matul il-programm fuq Net Television ippreżentat minn Dione Borg kienu qed jiġu diskussi l-aħħar żviluppi dwar l-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia – programm illi matulu, l-Avukat Therese Comodini Cachia spjegat kif il-Gvern  għaraf iħaddem politika li tagħlaq ħalq in-nies bla ma jassigura li jaqdi l-bżonnijiet taċ-ċittadini.

“Il-kwistjoni ta’ iswed u abjad, jekk qed tikkritika lili jew qed titlob xi ħaġa mingħandi li jien ma rridx intik allura nittimbrak li int kontrija, kontra tiegħi, hija kwistjoni li jekk mhux se nbiddluha se tkompli titfa’ d-demokrazija f’dan il-pajjiż il-baħar,” qalet Comodini Cachia.

Wara pressjoni li saret mill-poplu Malti kollu, tant li mijiet ta’ nies spiċċaw jinżlu fit-toroq jipprotestaw, Robert Abela kellu jagħmel u-turn biex issir din l-Inkjesta Pubblika; deċiżjoni li ħa wara li ftit tal-jiem qabel kien ivvota kontra l-mozzjoni li ressaq il-PN fil-Parlament.

L-istess Inkjesta Pubblika li uriet kif il-Gvern ta’ Robert Abela falla kompletament fis-settur tal-kostruzzjoni, u naqas bi kbir lil dan iż-żagħżugħ li ħallas b’ħajtu għal dan il-falliment.

Iżda quddiem dan kollu, Robert Abela għadu ma tax assigurazzjoni tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Bord tal-Inkjesta u wisq inqas ma tax timeline ta’ meta se jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet.