Rowen Camilleri
Jonqos tmien logħbiet biex jintemm il-Kampjonat BOV Premier, kampjonat li fl-aħħar mill-aħħar qed ikun wieħed bilanċjat ħafna minn kull aspett, kemm fil-ġlieda għar-rebħ tal-kampjonat, it-taqtigħa għall-post fl-Ewropa, kif ukoll fil-ġlieda għal min se jkun relegat għaċ-Challenge League. Fid-19-il ġurnata insibu numru ta’ konfronti interessanti iżda bla dubju li d-dilettanti tal-futbol partikolarment il-partitarji tat-timijiet rispettivi, anke jekk illum hemm differenza kbira fil-kwalità taż-żewġ timijiet, qed jistennew dan il-konfront bejn ir-rivali eterni Ħamrun Spartans u Valletta.
Ħamrun Spartans vs Valletta | Illum, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali
Konfront li l-aktar li kien ikun missielet kien fiż-żmien 80 u 90 fejn dawn iż-żewġ timijiet kienu joffru spettaklu fl-Istadium Nazzjonali bir-rivalità bejniethom baqgħet tinħass matul is-snin, anke jekk bħal dis-sena, id-differenza fil-kwalità hija kbira. Filfatt dan l-istaġun filwaqt li Ħamrun jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika, Valletta qed ikollhom wieħed mill-agħar staġuni fl-istorja tagħhom fejn jinsabu fit-12-il post u għalhekk qed jissieltu kontra r-relgazzjoni. Ħamrun iridu akkost ta’ kollox jirritornaw għar-rebħ wara li fl-aħħar partita, wara serje ta’ tmien rebħiet konsekuttivi fil-kampjonat, ġew imwaqfa minn Sliema Wanderers li b’wirja mill-aqwa, fejn anke kellhom jilagħbu bi plejer inqas għal aktar min-nofs siegħa, irnexxielhom jieħdu punt fi draw ta’ mingħajr gowls. Min-naħa l-oħra l-Beltin komplew nieżlin l-isfel fil-klassifika bit-tielet telfa konsekuttiva, fejn fl-aħħar jiem anke kellhom ir-riżenja tal-kowċ Enzo Potenza, biex issa t-tim għadda f’idejn Juan Cruz Gill u d-Direttur Tekniku Jesmond Zerafa. Il-logħob li jmiss għal Valletta huwa kollu iebes fejn wara dan il-konfront iridu jaffaċjaw lil Ġżira, Santa Lucia, Floriana u Hibernians rispettivament u għalhekk kollox huwa għat-tela’ għal dan it-tim glorjuż li normalment nafuħ jiġġieled għal kull unur li joffri l-futbol Malti. Valletta se jkunu mingħajr Victor Luiz li jinsab sospiż. Fl-ewwel round l-Ispartans ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.
Santa Lucia vs Sirens | Illum, fl-4:15pm fl-Istadium Nazzjonali
Fit-tieni logħba tal-lum fl-Istadium Nazzjonali jiltaqgħu Santa Lucia u Sirens, f’partita li s-Saints se jkunu qed jittamaw li jirbħu biex ikomplu fit-triq it-tajba sabiex jilħqu t-tragward li jsalvaw posthom mal-kbar. Santa Lucia se jkunu ġejjin minn tliet rebħiet konsekuttivi li rawhom jinqalgħu miż-żona l-ħamra iżda b’distakk biss ta’ punt minn Mosta li jinsabu fil-11-il post. Id-destin ta’ Sirens issa kulħadd jafu bit-tim immexxi minn Steve D’Amato jidher li staġun ieħor se jkun qed jilgħab fiċ-Challenge League. B’Naxxar u Gżira li għandhom konfronti diffiċli kontra Hibernians u Sliema rispettivament, b’rebħa Santa Lucia jistgħu jitilgħu f’nofs il-klassifika b’dan ikun pass importanti għalihom f’dan l-aħħar parti tal-istaġun. Draw ta’ mingħajr gowls kien ir-riżultat bejn dawn iż-żewġ timijiet f’Ottubru li għadda.
Hibernians vs Naxxar Lions | Illum, fis-2pm fit-Tony Bezzina Stadium
Fl-ewwel partita minn tnejn fit-Tony Bezzina Stadium, Hibernians u Naxxar jisfidaw lil xulxin f’konfront li fl-ewwel round irriżulta f’wieħed ibbilanċjat għall-aħħar u li spiċċa fi draw ta’ mingħajr gowls. Dawn iż-żewġ timijiet naqsu milli jirbħu fl-aħħar ħarġa tagħhom bit-tim minn Raħal Ġdid jispiċċa fi draw medjokri kontra Balzan filwaqt li Naxxar sofrew ir-raba’ telfa konsekuttiva għas-spejjeż ta’ Floriana. Hibernians huwa wieħed mit-timijiet li qed jissieltu għal post mal-ewwel erbgħa u jinsab tliet punti taħt Marsaxlokk, iżda qabilhom hemm ukoll Birkirkara żewġ punti fuqhom. Il-ġimgħa li għaddiet għedna li Naxxar iridu jibdew jiksbu l-punti jekk iridu jitbiegħdu mir-relegazzjoni, iżda reġgħu tilfu u issa jinsabu fit-tmien post, punt biss bogħod miż-żona l-ħamra. Nistennew konfront missielet minn dawn iż-żewġ timijiet li t-tragwardi tagħhom fil-mument huma kemxejn differenti.
Birkirkara vs Balzan | Illum, fl-4:15pm fit-Tony Bezzina Stadium
F’wieħed miż-żewġ derbies li għandna fi tmiem il-ġimgħa, Birkirkara jiltaqgħu kontra l-ġirien Balzan bit-tim immexxi minn Jose Borg se jkun qed jittama li jkompli fuq il-wirja li kellu fl-aħħar partita kontra Mosta sabiex iżomm il-pass ma’ Marsaxlokk fit-taqtigħa għall-post fl-Ewropa. Min-naħa l-oħra Balzan, li issa ilhom ma jirbħu sitt logħbiet, jeħtieġ li jibdew iġibu l-punti jekk iridu jevitaw riskju ta’ relegazzjoni, hekk kif bħal Santa Lucia u Naxxar għandhom 21 punt, wieħed biss ‘il bogħod miż-żona l-ħamra. Fuq il-karta l-Karkariżi huma xi ftit favoriti iżda fil-ġurnata Balzan għandhom il-kwalità biex iwettqu diżappunt u jiksbu rebħa li tgħinhom anke għall-partiti li ġejjin hekk kif issa kull partita hija finali f’dan l-istadju tal-istaġun. Fl-ewwel round Birkirkara għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 3-0.
Marsaxlokk vs Mosta | Għada, fil-11am fis-Centenary Stadium
Fl-ewwel logħba tal-Ħadd, konfront bejn żewġ timijiet bi tragwardi differenti, b’Marsaxlokk li jinsabu fir-raba’ post, għandhom bżonn akkost ta’ kollox tliet punti, speċjalment jekk Birkirkara u Hibernians, li se jkunu fl-azzjoni llum, jiksbu rebħiet. Mosta mill-banda l-oħra jinsabu f’wieħed mill-postijiet ta’ relegazzjoni u telfa f’dan il-konfront tkompli żżid il-problemi għalihom hekk kif il-partiti li jmiss huma kollha iebsin. Ix-Xlukkajri se jkunu mingħajr Nikolai Muscat, wieħed mill-plejers fil-forma, li jinsab sospiż filwaqt li Damiam Aneni huwa sospiż għal Mosta. Minkejja li forsi Marsaxlokk se jkunu qed jibdew xi ftit favoriti, fl-ewwel round kienu Mosta li ħadu t-tliet punti meta dakinhar ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2.
Gżira United vs Sliema Wanderers | Għada, fis-2pm fit-Tony Bezzina Stadium
Id-derby l-oħra f’din id-19-il-ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier, hija dik ta’ għada bejn Sliema Wanderers u Gżira United, l-ewwel partita minn tnejn fit-Tony Bezzina Stadium. It-tim immexxi minn Andrew Cohen kellu staġun nieqes għal kollox mill-konsistenza iżda fl-aħħar erba’ logħbiet kiseb 10 punti li tellawhom f’nofs il-klassifika u daqxejn ‘il bogħod mill-aħħar erbgħa, għalkemm b’distakk minimu ta’ 4 punti minn ma’ Mosta. Din il-ġimgħa se jkunu qed jaffaċjaw wieħed mill-aktar timijiet fil-forma u organizzat dan l-istaġun, Sliema Wanderers li l-aħħar darba li spiċċaw fuq in-naħa telliefa kien lura f’Novembru li għadda meta dakinhar kienu tilfu kontra r-rivali antiki Floriana. Sliema jinsabu fit-tielet post b’35 punt, sitt punti fuq Marsaxlokk u għalhekk xi ftit komdi, għalkemm xorta waħda għandhom bżonn jibqgħu jakkwistaw il-punti sabiex jikkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom fl-Europa Conference League fis-sajf li ġej. Il-Maroons se jkunu mingħajr il-captain Zachary Scerri filwaqt li Joseph Minala se jkun nieqes fuq in-naħa l-oħra għal Sliema, bit-tnejn li huma jinsabu sospiżi. Sliema Wanderers kisbu rebħa minima ta’ 1-0 fuq Gżira fl-ewwel konfront bejniethom dan l-istaġun.
Floriana vs Gudja United | Għada, fl-4:15pm fit-Tony Bezzina Stadium
Tliet punti saru kważi ċerti kull ġimgħa għall-avversarji ta’ Gudja United u fl-aħħar partita ta’ tmiem il-ġimgħa m’għandu jinbidel xejn hekk kif l-avversarji tagħhom huma t-tim li qed jiġri wara l-leaders Ħamrun, Floriana. Il-ġimgħa l-oħra kienet waħda tajba għall-Greens li approfittaw miż-żelqa ta’ Ħamrun u b’rebħa konvinċenti fuq Naxxar naqsu d-distakk f’ras il-klassifika għal tliet punti biex b’hekk jidher li din it-taqtigħa se tkun waħda interessanti fejn jekk kollox jibqa’ kif inhu sas-27 t’April se nkunu qed nassistu għall-konfront mill-isbaħ bejn Floriana u Ħamrun, konfront li fl-ewwel round kien wieħed missielet għall-aħħar u mirbuħ fl-aħħar sekondi minn Ħamrun. Fl-ewwel round Gudja żammew lil Floriana fi draw ta’ 1-1.
//= $special ?>