Lokali Qorti

Biżżejjed provi biex raġel mixli li ta 13-il daqqa ta’ sikkina lir-raġel t’oħtu jitqiegħed taħt att tal-akkuża

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Mars-Anne Farrugia iddikjarat li jeżistu biżżejjed provi biex raġel ta’ 63 sena minn Raħal Ġdid jitqiegħed taħt att ta’ akkużat li taha 13-il daqqa ta’ sikkina lir-raġel ta oħtu waqt li dan kien rieqed.

Il-Qorti ħadet din id-deċiżjoni wara li semgħet xhud wieħed, l-Ispettur Keith Rizzo, fejn minkejja l-oġġezzjoni tad-difiża, wara talba tal-AĠ il-Maġistrat Farrugia qablet li hemm biżżejjed evidenza biex il-każ kontra Robert Frendo jibqa’ għaddej.

Il-prosekuzzjoni qed tixli lil Frendo li wettaq dan ir-reat fl-20 ta’ Frar li għadda. L-Ispettur Keith Rizzo qal li fil-21 ta’ Frar 2020 l-għassa ta’ Raħal Ġdid irċieviet rapport ta’ attakk ta’ sikkina fi Triq il Lampuka. L-uffiċjali tal-pulizija kienu marru minnufih fil-post u sabu lill-vittma qed tiġi kkurata minn tim mediku.

Il-vittma qal lill-pulizija li kien ħu l-mara tiegħu li kien tah daqqiet ta’ sikkina. Qal li kien rieqed meta f’daqqa waħda ħass uġigħ kbir f’qalbu u qam u sab lil Frendo qed jagħtih b’arma. Tenna li kien hemm rapporti preċedenti li kienu jinvolvu lil irġiel, żied jgħid ix-xhud.

Rizzo qal li l-Pulizija kellmu lil ċertu Stephen Falzon li jmexxi ħanut tal-laħam biswit ir-residenza ta’ fejn seħħ l-inċident. Huwa kien qal lill-pulizija li l-vittma kien mar fil-ħanut tiegħu, u li żewġ minuti wara Frendo kien daħal fil-ħanut ukoll jitlob €2.

L-akkużat hu adottat minn omm il-mara tal-vittma u għalekk jiġi ħuha tar-rispett, kien jgħix fl-istess dar magħha u ma’ żewġha. Ix-xhud qal ukoll li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili daħal fir-residenza minn sular ta’ fuq.

Rizzo tenna li kien hemm ammont kbir ta’ demm u dan kien innutat ukoll fuq is-sufan fejn il-vittma kien rieqed. Sostna li l-mara tal-vittma kienet xxokkjata, u qalet lill-pulizija li qatt ma kien hemm kwistjonijiet bejn Frendo u ħuha. Qalet li Frendo kien skiżofreniku u kellu problema bl-alkoħol.

L-Ispettur Rizzo qal li filmati tas-CCTV urew lill-imputat ħiereġ mir-residenza għall-ħabta tad-9am. u lura fil-11am. iġorr kartuna inbid. Kien ukoll miksi bid-demm L-Avukat Ramon Bonett Sladden staqsa jekk l-imputat kienx ġie eżaminat minn tabib, li dan ddikjarah tajjeb għall-interrogazzjoni.

Frendo ġie interrogat u ammetta li ta bis-sikkina lir-raġel u li ried joqtlu. “Dak il-ħin kien fis-sakra u qal li sema’ leħen intern jgħidlu ‘mur għalih, mur għalih’. Allura beda jagħtih bis-sikkina.” Meta l-vittma qam wara li beda jingħata d-daqqiet ta’ sikkina, staqsieh għaliex qed tagħmilli hekk u l-imputat wieġeb “l-ewwel se noqtol lilek u mbagħad se noqtol lil martek.”

Il-vittma niżel it-taraġ u ħareġ mid-dar, jaqsam it-triq lejn il-ħanut tal-laħam fejn qal lis-sid x’ġara. Xhieda fuq il-post qalu lill-pulizija li Frendo kien waqaf żewġ blokki ‘l bogħod, u josserva l-konsegwenzi ta’ daq li kien għamel.

Il-Qorti ddeċidiet li kien hemm biżżejjed evidenza li jistħoqqlu biex jitpoġġa taħt att ta’ akkuża. Il-każ ikompli fil-15 ta’ April fl-10:30am. L-Ispetturi Keith Rizzo u Kurt Farrugia flimkien mal-Avukati minn naħa tal-AĠ Ramon Bonett Sladden u Nathaniel Falzon qed imexxu l-prosekuzzjoni.

L-Avukat tal-għajnuna legali Wilfrid Buttigieg deher għall-akkużat filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit deheru bħala parte civile għan-nom tal-allegat vittma.