Lokali

Grupp ta’ studenti b’appell b’saħħtu qabel il-maratona ta’ Missio Malta

Grupp ta’ studenti tas-Seminarju li qedgħin fl-għaxar sena ħasbu li jtellgħu inizzjattiva ta’ logħob bil-ballun sabiex iqajmu għarfien dwar l-importanza li wieħed jgħin lil dawk inqas ixxurtjati minna. Dan hekk kif ninsabu biss ftit tal-jiem ‘il bogħod mill-maratona tal-Missio.

Jamie, Luigi, Matteo, Adam, u Mattias, hames studenti li jattendu l-iskola tas-Seminarju f’Tal-Virtu spjegawlna xi tfisser ghalihom il-missjoni. U allura kemm huwa importanti li nghinu lil dawk li jinsabu fil-faqar?

Dan il-grupp tal-Kunsill tal-Istudenti tellgħu din l-inizjattiva flimkien ma’ Fr. Jean-Claude Schembri.

Fid-9 ta’ Marzu se tkun qed issir il-maratona ġbir ta’ fondi minn Missio b’risq dawk fil-bżonn, kif spjegatilna Nancy Camilleri. Din il-maratona li għandha t-tema ‘Inti tista’ tgħin’, ser tkun imxandra b’mod dirett bejn il-11 ta’ filgħodu u l-11 ta’ bil-lejl, inkluż fuq NET Television.

Missio Malta qed tiġbor fondi biex twettaq proġett ta’ borehole qrib villaġġ u skola fl-Uganda biex in-nies li jgħixu hemmhekk ma jkollhomx għalfejn jaħlu nofs ġurnata mixjin għall-ilma. U b’hekk, ikunu jistgħu jibdew jattendu l-iskola.