Internazzjonali

Haiti: Se jkomplu jirvellaw sakemm ikeċċu lill-Prim Ministru – sitwazzjoni ta’ emerġenza fost vjolenza qattiela

Il-poplu ta’ Haiti jinsab taħt stat ta’ emerġenza wara li gruppi ta’ kriminali u elementi vjolenti oħra assedjaw ħabs ewlieni fil-kapitali Port-au-Prince – u bil-mexxejja tal-gangs qed jinsistu kollha għar-riżenja tal-Prim Ministru Ariel Henry.

Fil-vjolenza mietu talanqas 15-il persuna, biċ-ċifra eżatta tal-vittmi ma tkunx ikkalkulata fost il-kaos —u wara li madwar 4,000 ħabsi rnexxielhom jaħarbu mill-kumpless fejn kienu miżmuma.

Il-gruppi vjolenti li jridu akkost ta’ kollox iwaqqgħu lil Henry mill-poter jikkontrollaw madwar 80 fil-mija tat-territorju f’Port-au-prince, u bil-vjolenza qed tkun imfissra bħala l-agħar għal snin f’pajjiż fejn il-ġlied qattiel bejn il-gangs armati sar jitqies bħala  ħaġa komuni.

Sadanittant, stqarrija mill-Gvern ta’ Haiti qalet li, minbarra l-istraġi f’Port-au-Prince, kien sar assedju fuq ħabs ieħor fl-inħawi ta’ Croix des Bouquets, fil-limiti tal-kapitali.

U filwaqt li l-poplu jinsab imwerwer dwar dak li jista’ iseħħ, il-Gvern ta’ Haiti qal li l-azzjonijiet tal-ħabsin huma theddida ċara għas-sigurtà nazzjonali. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet f’Haiti qed jippruvaw jimminimizzaw kemm jistgħu l-potenzjal qattiel tal-irvellijiet bl-impożizzjoni ta’ curfews għal maqtul il-lejl.

Iżda l-awtoritajiet xorta qed jiffaċċjaw l-intoppi kbar, fost rapporti li l-gruppi vjolenti kienu attakkaw l-għasses tal-pulizija qabel l-assalt koordinat fuq il-ħabsijiet – u bir-riżultat li l-kontinġenti tal-pulizija mhumiex jirnexxilhom irażżnu l-furja tal-ħabsin maħruba.

Mhux eskluż, intant, li fost il-ħabsin li ħarbu f’Port-au-Prince hemm ukoll xi membri ta’ gang kriminali akkużati bl-assassinju, fl-2021. tal-President ta’ Haiti, Hovenel Moise.

L-ewwel fażi ta’ din il-vjolenza kienet ilha evidenti mill-Ħamis, meta l-Prim Ministru Henry ivvjaġġa lejn Najrobi biex jiddiskuti t-trasferiment ta’ qawwa multinazzjonali għaz-zamma tas-sigurtà lejn pajjiżu u fejn kien intiż li din il-qawwa titmexxa mill-Kenjani.

Fl-aħħar sigħat, l-awtoritajiet Kenjani qalu li l-Prim Ministru Henry kien irritorna pajjiżu, iżda ħadd ma kien jaf dwar l-aħħar movimenti tiegħu.

Sadanittant, il-kapijiet ewlenin tal-gangs armati li qamu kontra l-Gvern huma mmexxija minn eks-uffiċjal tal-pulizija li jaħsbu li hu l-awtur wara diversi massakri fl-inħawi ta’ Port-au-Prince.

Il-kapijiet kriminali qalu wkoll li huma kollha magħqudin f’impenn wieħed – jiġifieri t-tneħħija eventwali ta’ Ariel Henry minn Prim Ministru u meta huma anki qed ikollhom l-għajnuna  minn gangs oħrajn fl-ibliet provinċjali ta’ Haiti.

L-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Port-au-Prince qed tħeġġeġ liċ-ċittadini tagħha biex jitilqu mill-aktar fis minn Haiti, filwaqt li l-Ambaxxata Franċiża fil-kapitali qed twaqqaf is-servizzi tal-visa bħala ‘prekawzjoni’.

Il-vjolenza f’Haiti saret dejjem aktar komuni minn wara l-assassinar tal-President Moise u meta sallum għadu ma nstabx is-suċċerssur tiegħu f’pajjiż fejn ilhom ma jsiru elezzjonijiet mill-2016. Ariel Henry suppost li kellu jwarrab mill-kariga sas-7 ta’ Frar u bħala parti minn ftehim politiku. Madankollu, l-elezzjonijiet li kienu pjanati f’Haiti baqgħu ma sarux u bir-riżultat li hu għadu sallum qed  jamministra lill-pajjiż bħala Prim Ministru.