Wara l-appelli biex inpoġġu l-iskart fil-friża u l-parir ta’ Transport Malta biex noħorġu tard mid-dar ħalli nevitaw it-traffiku, issa wasal parir ieħor – din id-darba mit-tmexxija tal-kumpanija Gozo Channel.
Kien iċ-Chairperson tal-Gozo Channel Joe Cordina illi appella lin-nies biex il-Ħadd – kemm jista’ jkun – jevitaw li jaqsmu l-fliegu bejn Għawdex u Malta bejn il-5pm u t-8pm. Dan wara li lbieraħ diversi persuni llmentaw li filgħaxija kellhom jistennew aktar minn erba’ sigħat biex jitilgħu fuq il-vapur ta’ Għawdex.
F’kummenti lis-sit ta’ Newsbook, Joe Cordina qal li din is-sitwazzjoni tirrepeti ruħha kważi kull nhar ta’ Ħadd, “għax ħafna Maltin jinżlu Malta wara l-4pm” – realtà li ilha tiġri għal snin sħaħ, u li l-Labour baqa’ ma indirizzax.
Iċ-chairperson qal li l-kju twil tal-bieraħ kien primarjament minħabba li bħalissa hemm vapur nieqes u l-kju kellu jinqasam bejn tliet vapuri minflok erbgħa.
Fil-fatt, il-vapur second hand MV Nikolaos jinsab wieqaf għal xahar biex issirlu manutenzjoni. U l-Gozo Channel spiċċat taħdem bi tliet vapuri għaliex il-Gvern qatt ma implimenta l-wegħda li jixtri r-raba’ vapur li tant huwa essenzjali.
Kien ix-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg illi tefa’ dawl fuq is-sitwazzjoni preżenti, meta fi tmiem il-ġimgħa ppubblika ritratt fuq il-media soċjali. Dan filwaqt illi irringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Gozo Channel li f’dawn il-jiem għaddejjin bla nifs biex ipattu għal dak li l-Gvern wiegħed imma ma wettaqx; servizz ta’ raba’ vapur li jkun wieħed ta’ min toqgħod fuqu.
//= $special ?>