Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kienet l-ewwel mexxej tal-UE li ltaqgħet mal-President il-ġdid tal-Fillandja Alex Stubb f’Ħelsinki fl-ewwel ġimgħa tiegħu fil-kariga.
Stubb, l-eks Prim Ministru tal-Fillandja li rebaħ l-elezzjoni Presidenzjali fil-11 ta’ Frar, ħa l-ġurament nhar il-Ġimgħa waqt ċerimonja f’Ħelsinki.
Waqt il-laqgħa, l-President tal-Parlament Ewropew qalet, “Ninsab grata li għandi l-opportunità li naqsam il-fehmiet miegħek dwar l-Ewropa, kwistjonijiet ta’ affarijiet barranin u dwar it-triq li rridu nimxu flimkien.” Żiedet tgħid li l-Parlament Ewropew irnexxielu jimbotta programm leġiżlattiv kbir: “iż-żieda tal-kompetittività tal-ekonomija tagħna, dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, dwar is-servizzi diġitali, dwar il-libertà tal-istampa, dwar l-istat tad-dritt u l-ugwaljanza bejn is-sessi u, biex nagħmlu l-ħajja tan-nies ftit aktar faċli, u ftit aktar ġusta u ftit aħjar għal kulħadd.” Il-President qalet iżda li l-Ewropa mhix perfetta. “Irridu nkunu onesti wkoll dwar fejn inqasna. Għandna r-responsabbiltà li nwettqu aktar għan-nies li nirrappreżentaw.”
Il-President Metsola kellha wkoll laqgħa mal-Prim Ministru Fillandiż Petteri Orpo. Waqt Konferenza Stampa mal-Prim Ministru Orpo, il-President Metsola saħqet dwar l-importanza li l-pilastri fundamentali li fuqhom hija mibnija l-Ewropa jkunu salvagwardjati.
“L-Ewropa tagħna trid tkun waħda li tirrapreżenta l-valuri tagħna, d-demokrazija, l-libertà u s-saltna tad-dritt – anke meta jkun diffiċli jew dawn il-valuri jkunu mhedda. F’Ewropa fejn il-gwerra m’għadhiex inkonċepibbli u anqas nies qed jgħixu f’demokrazija milli barra minn waħda, l-Ewropa tagħna trid tkun is-superpotenza tad-drittijiet, il-libertajiet u l-prosperità.”
Il-President Metsola ħeġġet lil kulħadd jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju u jsemmgħu leħinhom.
“Il-messaġġ tiegħi għalik huwa dan: Tħallix lil ħaddieħor jiddeċiedi għalik. Tieħux l-Ewropa for granted.”
Il-ġimgħa d-dieħla, il-Prim Ministru Orpo se jkun Strasburgu biex jindirizza l-plenarja tal-Parlament Ewropew bħala parti mis-sensiela ta’ dibattiti mal-mexxejja Ewropej bl-isem ‘This is Europe’.
Matul iż-żjara tagħha fil-Fillandja, il-President Metsola ltaqgħet mal-Ispeaker tal-Parlament Fillandiż u pparteċipat f’sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet ma’ studenti mill-Università ta’ Ħelsinki, l-akbar u l-eqdem istituzzjoni akkademika tal-Fillandja.
//= $special ?>