Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippreżenta mozzjoni ta’ sfiduċja fi tliet Ministri – Stefan Zrinzo Azzopardi, Miriam Dalli u Silvio Schembri – hekk kif dawn qed jibqgħu jaħarbu milli jerfgħu r-responsabbiltà politika b’rabta mal-Inkjesta Pubblika ta’ Jean Paul Sofia.
Dawn it-tliet ministri għandhom jaqgħu taħthom it-tliet entitatjiet li ssemmew fl-Inkjesta Pubblika bħala dawk l-entitajiet b’nuqqasijiet kbar.
Dan tħabbar mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech fuq barra tal-Parlament f’konferenza tal-aħbarijiet li saret ftit tal-ħin ilu. Dan wara li fl-aħħar jiem kienet qed issir diskussjoni fil-Parlament b’rabta ma’ din l-Inkjesta Pubblika. Bl-iktar waħda riċenti tkun dik li saret illum għall-ħabta tas-2 ta’ waranofsinhar, f’seduta parlamentari li saret fejn Bernard Grech staqsa ripetutament min se jkun qed jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia iżda żewġ Ministri Laburista fil-kabinett ta’ Abela baqgħu jirrifjutaw li jwieġbu din il-mistoqsija.
Bernard Grech qal li dan mhux aċċettat li ħadd ma jerfa’ r-responsabbiltà politika meta kien hemm Ministri li kienu qed jassiguraw li jsir xogħol tajjeb. Huwa qal li kieku kien għal Robert Abela għadna f’sitwazzjoni li n-nies għadhom esposti għan-nuqqasijiet ta’ dan il-Gvern.
Quddiem dan, l-Oppożizzjoni qed titlob biex il-mozzjoni ta’ vot ta’ sfiduċja tiġi diskussa minnufih fil-Parlament.
//= $special ?>