Jerome Caruana Cilia, PN
Għandha tintrefa’ r-responsabbilta’ politika, illum qabel għada.
Dan kien l-appell tad-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Ekonomija, l-Intrapriża u s-Servizzi Finanzjarji Jerome Caruana Cilia waqt dibattitu fil-Parlament fid-dawl ta’ rapport ta’ inkjesta dwar it-traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ Jean Paul Sofia.
Huwa appella biex il-Gvern jieħu azzjoni immedjata u insista biex ir-rakkomandazzjonijiet tal-bord jiġu implimentati minghajr dewmien zejjed. Filwaqt li t-traġedja ta’ Kordin se tibqa’ paġna sewda fl-istorja ta’ pajjiżna, l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet hija kruċjali biex jiġu evitati aktar imwiet.
Minkejja li fl-aħħar jiem numru ta’ uffiċjali pubbliċi ħabbru r-riżenja tagħhom, Caruana Cilia nsista wkoll li għandha tinġarr responsabbiltà politika.
“Ma jistax ikun illi issir traġedja bħal din, tinqatel persuna innoċenti, u ħadd ma jerfa’ r-responsabbiltà politika”. Filwaqt li r-rapport tal-Bord ta’ Inkjesta elenka diversi aġenziji u awtoritajiet li naqsu serjament fil-qadi ta’ dmirijiethom, dan irrefera wkoll dwar ir-responsabbiltà aħħarija tal-Istat li ppermetta u ma għamel xejn f’sitwazzjoni fejn dawn l-istess istituzzjonijiet imxew fuq binarji differenti, fejn ħadd ma jrendi kont lejn ħadd, b’mod li seħħet traġedja f’sit fejn ħadd ma kellu kontroll fuqu.
Id-Deputat Nazzjonalista Caruana Cilia faħħar id-dedikazzjoni tal-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia, partikolarment ommu, li minkejja li sfat hi wkoll vittma ta’ attakki personali, ma ċeditx fl-insistenza tagħha li toħroġ il-verita’ kollha. “Isabelle ma beżgħetx mill-Cowboys, ma beżgħetx mill-bullies, ma beżgħetx mill-partitarji mgħammda bil-partiġġjaniżmu politiku. Imma baqgħet tiġġieled għas-sewwa”, żied jgħid Jerome Caruana Cilia.
Id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia kompla jgħid: “illum mhux it-tmiem imma tragward ieħor favur il-ħidma tagħha, tiegħi u tagħna għal dak li hu tajjeb. Grazzi Isabelle, kont miegħek mill-bidunett u flimkien ma’ sħabi se nibqa’ miegħek sal-aħħar”.
Fid-diskors tiegħu, huwa semma’ bosta eżempji identifikati mill-Bord li mexxa l-inkjesta pubblika li juru l-falliment tal-Istat u tal-aġenziji tiegħu, ħafna minnhom immexxija minn persuni direttament appuntati mill-Prim Ministru jew mill-Ministri sħabu. Hu fakkar ukoll kif il-passat, eks-ministri ntalbu jirreżenjaw għal nuqqasijiet ferm iżgħar minn traġedja li ħadet il-ħajja ta’ ħaddiem.
Il-konklużjonijiet skandalużi ta’ dan ir-rapport huma l-akbar raġuni l-għaliex Robert Abela akkost ta’ kollox ma riedx li ssir din l-inkjesta, tenna d-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.