Beppe Fenech Adami, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal fil-parlament li min hu responsabbli għat-traġedija ta’ Jean Paul Sofia ma jistax iwettaq ir-riformi fis-settur tal-kostruzzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li sal-lum, minkejja li saru 20 siegħa ta’ diskorsi fil-parlament fuq l-inkjesta, min-naħa tal-gvern l-ebda deputat ma kellu l-fibra morlai li jħarsu lejn il-ġenitur ta’ Jean Paul Sofia u jitolbu apoloġija.
Il-Prim Ministru u l-ministri responsabbli m’għandhomx il-kuraġġ jammettu li żbaljaw. Il-gvern reġa’ kien kundannat b’mod serju li nstab ħati li minħabba l-aġir tiegħu u minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni u l-mod intenzjonat kif imexxi l-pajjiż intilfet il-ħajja ta’ Jean Paul Sofia.
Il-gvern immexxi minn Robert Abela hu responsabbli għall-mewt ta Jean Pawul Sofia. Il-membri tal-kabinet huma wkoll responsabbli li heżżew is-sisien ta’ dan il-pajjiż.
Din it-traġedja setgħet kienet evitata iżda seħħew għaliex il-pajjiż għandu gvern li intenzjonalment kisser l-istituzzjonijiet tiegħu u immina l-awtoritajiet tiegħu. Il-gvern ħoloq pajjiż fejn kollox jgħaddi u kisser l-istituzzjonijiet u l-korp tal-pulizija. Il-gvern dakkar sistema ta’ impunità fil-pajjiż.
Dan hu gvern li ħoloq id-diżordni fil-pajjiż u li poġġa l-flus bħala l-alla ta’ kollox. Is-siti ta’ kostruzzjoni saru l-qabar ta’ tant ħaddiema u persuni, fosthom Miriam Pace. Hu semma’ d-diversi traġedji oħra fejn bini u djar waqgħu minħabba żvilupp bla rażan li kien qed iseħħ.
Id-deputat Nazzjonalista fakkar li flimkien ma’ Jean Paul Sofia kien hemm ħames ħaddiema oħra li intradmu taħt it-terrapien u li kien biss b’miraklu li ma dawn mietux ukoll. Il-poplu Malti hu mnikket u rrabbjat għaliex quddiem kull mewt kien hemm Prim Ministru, ministri u deputati Laburisti li wiegħdu li dak li seħħ mhux se jerġa’ jseħħ.
Il-poplu Malti għad irid jifhem għaliex il-gvern għadda lill-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia mill-martirju li għaddew minnha. Il-gvern għamel minn kollox biex ma toħroġx il-verità u beka d-dmugħ tal-kukkudrilli fil-parlament. Il-gvern żeblaħ lil omm Jean Paul Sofia propju meta hi affrontat lid-deputati kollha u talbithom jispjegawlha għaliex ma jridux li toħroġ il-verità.
Issa waqgħet il-maskra, sostna Beppe Fenech Adami, li kompla li llum hu magħruf għaliex il-gvern ivvota kontra l-inkjesta; beża’ li jinkixef it-taħwid li għandhom fl-awtoritajiet.
Il-ministri msemmija fir-rapport tal-inkjesta – Miriam Dali, Stefan Zrinzo Azzopardi u Silvio Schembri – ħadu għalihom għax intlabet ir-riżenja tagħhom wara l-mewt ta’ tant ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol.
Dawn huma ministri maqtugħa mir-realtà u għandhom l-ardir jistaqsu għaliex għandhom jassumu responsabbiltà politika għal dak li seħħ. Dawn il-ministri mexxew b’inkompetenza u poġġew bażużli fl-awtoritajiet li huma mexxew. Għalhekk dawn il-ministri jridu jerfgħu r-responsabbiltajiet ta’ għemilhom u jirriżenjaw.
Beppe Fenech Adami qal li t-traġedja ta’ Jean Paul għandha tiftaħ għajnejn kulħadd u l-poplu jridu ibiddel ir-rotta. Il-bidla ma tistax issir mill-istess nies li ħolqu l-problema jew minn dawk li jopponu l-bidla. Il-bidla tista’ ssir biss minn dawk in-nies li m’għandhomx idejhom imċappsin bid-demm ta’ Jean Paul Sofia, sostna Beppe Fenech Adami.