Il-ministri Clifton Grima u Chris Bonnet ħarbu milli jwieġbu mistoqsijiet supplimentari fil-parlament magħmula mill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar ir-responsabbiltà politika li tirriżulta mill-inkjesta politika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia.
Kien il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari fis-seduta tal-lum staqsa lill-Ministru Chris Bonnett jekk hu jew xi membru tal-kabinet talbux u u insistewx biex tintrefa’ responsabbiltá politika wara l-inkjesta publika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia.
Il-Ministru Chris Bonnett ma weġibx il-mistoqsija tal-Kap tal-Oppożizzjoni u qal biss li r-regoli tal-parlament huma stabbiliti u żied li din il-mistoqsija mhijiex marbuta mas-suġġett tal-edukazzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li kien għadu kif daħal fil-parlament il-Ministru Clifton Grima li hu u dieħel iddikjara li ma jibżax mill-Oppożizzjoni. Hu sostna li l-Ministru Grima għandu jispeċifika dwar dan id-diskors u jgħid jekk dan kienx ton intimidatorju.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima qal li fil-11 am tal-lum inawgura skola fin-Nadur Għawdex u sostna li wara dik l-inawgurazzjoni hu baqa’ sejjer il-parlament.
Bernard Grech qal li jidher li l-Ministru kellu problema biex jirranġa l-iskeda tiegħu u staqsa jekk il-Ministru Grima kienx insista ma’ sħabu li tintrefa’ responsabbiltà politika dwar Sofia.
Il-Minisru Grima ma weġibx.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-poplu ma jistax jifhem kif il-gvern qed jibqa’ jirrifjuta li jassumi responsabbiltà politika.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-ministru ma jridx iwieġeb mistoqsijiet tal-Oppożizzoni lanqas fuq l-edukazzjoni u insista li l-Ministru Grima għandu jwieġeb dwar ir-responsabbiltà politika min-naħa tal-gvern dwar Jean Paul Sofia.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni wieġeb li jeħtieġ li jkun hemm l-etika meta jsiru diskorsi dwar Jean Paul Sofia. Hu qal li kien iħoss għall-familjari ta’ Jean Paul Sofia u tal-vittmi tad-diversi setturi. L-inkjesta għandha awtorità morali li għandha tgħaqqad lill-parlament kollu biex isiru r-riformi meħtieġa.