Studju ġdid li sar mill-Fakulta tal-Ħarsien Soċjali juri li r-residenti tan-nofsinhar ta’ Malta m’huma kuntenti xejn bil-Kunsilli Lokali.
Dan l-istħarriġ, illi sar fost ir-residenti tan-naħa t’isfel ta’ Malta, jenfasizza l-fatt li l-maġġoranza tan-nies huma imdejqin ferm bil-ħidma, jew nuqqas tagħha, mill-Kunsilli Lokali rispettivi tagħhom .
L-istudju juri li kienu biss 37.1% ta’ dawk li kkummentaw illi kienu sodisfatti bix-xogħol tal-Kunsill Lokali tagħhom; numru inkwetanti li jkompli jikkonferma kemm il-poplu mhux iħoss li l-Kunsilli huma t-tarka tar-residenti għaliex il-Gvern ħadilhom ħafna mill-poteri.
Joħroġ ukoll il-fatt li 53.8% ta’ dawk li wieġbu kienu jafu taħt liema Reġjun taqa’ l-lokalità tagħhom, b’17.8% biss jgħidu illi jinsabu sodisfatti b’din l-entita.
Meta mistoqsa dwar l-iktar affarjiet li jdejquhom fil-lokalità, tlett kwarti ta’ dawk li ħadu sehem fis-survery qalu li t-traffiku u n-nuqqas ta’ parkeġġ huma l-ikbar problemi fil-lokalitaljiet tagħhom. B’53.5% taż-żgħażagħ jistqarru li jinsabu imdejqin bin-nuqqas ta’ spazji pubbliċi u ħdura fir-raħal fejn jgħixu.
Punt interessanti li joħroġ minn dan l-istħarriġ kien in-nuqqas ta’ għarfien li ż-żgħażagħ għandhom fuq il-Kunsilli u l-ħidma tal-istess Kunsillieri – b 47.7% jgħidu li m’għandhomx idea x’inhu l-irwol tal-Kunsill.
Ħareġ anke il-fatt li l-maġġoranza tan-nies jemmnu li l-Kunsill Lokali għandu jkollu aktar poteri u awtonomija, sabiex ikun jista’ jaħdem għall-interess tar-residenti – b’uħud saħansitra jemmnu li s-Sindki għandhom ikunu full-timers sabiex xejn ma jkun jista’ jxekkilhom milli jaħdmu bi sħiħ għal-lokalità.
Is-survey li tmexxa mill-Fakultà tal-Ħarsien Soċjali kien kummissjonat mir-Reġjun tan-Nofsinhar fejn il-lokalitajiet huma kollha mmexxija min Sindki Laburisti, b’maġġoranza laburista fil-kunsilli kollha.
U jidher li n-nies m’humiex kuntenti bix-xogħol li qed isir minnhom.
//= $special ?>