Lokali Parlament

Robert Abela hu l-prim ħati fil-mewt ta’ Jean Paul Sofia

Mark Anthony Sammut, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut sostna fil-parlament li Robert Abela hu l-prim ħati fil-mewt ta’ Jean Paul Sofia.


Mark Anthony Sammut qal li d-deputati tal-gvern kienu jafu li l-inkjesta se ssib lill-gvern responsabbli u sostna li fil-parlament il-Prim Ministru kien sabbat fuq l-imwejjed u iddikjara li l-inkjesta ma’ ssirx. Hu qal li l-inkjesta saret għaliex l-Oppożizzjoni kienet fuq in-naħa t-tajba u għax il-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia kellhom rieda qawwija. L-inkjesta saret wara li l-Prim Ministru ivvota kontra u ftit wara kunċert mużikali u l-għada ħareġ bill-jott.


Id-deputat Nazzjonalista sostna li l-Ministru Johnaton Attard kien qal li l-inkjesta kriminali tipprevali fuq il-liġi pubblika u li kien jistanka kif l-Oppożizzjoni trid tagħmel inkjesta pubblika fuq affarijiet aministrattivi. Issa l-inkjesta qed tiddikjara li hi żbaljata l-fehema li b’xi mod l-inkjesta pubblika tista’ tfixkel inkjesta maġisterjali. L-inkjesta qed tikkundanna l-pożizzjoni li kien ħa l-Ministru tal-Ġustizzja u anki l-Prim Ministru.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Ministru tal-Ġustizzja m’għandux kredibbiltà għaliex qed jitgiddeb fuq il-poteri tal-inkjesti. Hu sostna li l-Ministru tal-Ġustizzja m’għandux il-kredibbiltà neċessarja u kompla li l-Prim Ministru kien allega li l-Oppożizzjoni riedet show tat-televiżjoni.


Mark Anthony Sammut qal li l-inkjesta stabbilit li kien hemm nuqqasijiet fil-proċessi li saru fuq l-għoti tal-art fejn kien stabbilit li kien hemm skrutinju irregolari, inkompetenti, bla reqqa u li dan l-investiment tal-fabbrika f’Kordin ma kellu qatt jitressaq il-Kumitat tal-Investimenti ta’ Malta Enterprise.


Din l-applikazzjoni ma kellha qatt ma kellha tiġi approvata, intqal fl-inkjesta, li tispeċifika kif xi ftit xhur, l-għoti ta’ fabbrika pubblika b’xejn kien approvat. Kien stabbilit li wara dan il-proġett kien hemm ħafna irregolaritajiet.


Id-deputat Nazzjonalista staqsa min ġibed l-ispag biex il-kumitati tal-awtoritajiet tal-gvern kollha jieħdu azzjonijiet biex Kurt Buhagiar u Matthew Schembri jieħdu l-art f’Kordin; liema art ma kellhomx jieħdu. Min gawda minn dan? Kien il-Prim Ministru li ġibed l-ispag jew kien xi ministru?


Mark Anthony Sammut qal li l-inkjesta tikkonkludi li l-Istat falla u instab ħati tal-mewt ta’ Sofia u sostna li huma l-ministri dawk responsabbli għan-nuqqasijiet kbar li sabet l-inkjesta. L-inkjesta ssemmi lill-ministri Miriam Dalli, Stefan Zrinzo Azzopardi u lil Silvio Schembri bħala l-ministri responsabbli.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-inkjesta titfa’ r-responsabbiltà fuq l-Istat u sostna li minkejja l-inkjesta, il-gvern qed jipprova jwarrab ir-responsabbiltà minn fuqu meta lill-membri tal-bordijiet responsabbli, kien il-gvern stess li għażilhom bħala persons of trust.


Mark Anthony Sammut qal li kien il-gvern Laburista li niżżel lill-pajjiż fl-istat fejn l-awtoritajiet ma jiffunzjonawx. Dan għax il-Gvern Laburista ried l-impunità u ried li jgawdu dak li riedu jabbużaw.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru għandu l-wiċċ idaħħal lura lil Rosianne Cutajar li nqabdet tigdeb, titħanżer, tkun fis-sodda mal-kriminali u tieħu r-rigali mingħandu, lil Justyne Carauna li nqabdet titħanżer u tagħti kuntratti lill-partner tagħha u lil Joseph Cuschieri li nstab ħati li kiser l-etika u kjien isiefer ma’ Yorgen Fenech meta suppost li kien qed jinvestigah.


Il-Prim Ministru jrid idaħħal lura wkoll lil Joseph Muscat li kien diakjarat il-korrott tas-sena u li l-istess Robert Abela ma riedx joqgħod fl-istess keffa miegħu iżda issa se jaċċettah.


Id-deputat Nazzjonalista qal li dawn il-persuni kollha abbużaw minn flus il-poplu u għalhekk il-prim ħati hu propju l-Prim Ministru. Robert Abela sar l-akbar problema li għandu l-pajjiż u li bl-għażliet tieħu qed iwassal għat-tmiem tal-ħajja.


L-uniku reazzjoni tal-gvern quddiem l-inkjesta għandha tkun waħda ta’ mistħija, iżda l-Prim Ministru ma jafx jistħi u għahekk għadu jagħmel il-kontra ta’ li qalulu żewġ inkjesta dwar l-impunità, sostna Mark Anthony Sammut.