Futbol Sport

Robert Micallef jgħid li wasal iż-żmien li ssir bidla fil-futbol Malti

Fl-elezzjoni għall-President tal-MFA li se ssir f’nofs dan ix-xhar, il-kontestant għall-President attwli tal-assoċjazzjoni, se jkun il-President ta’ Santa Lucia FC, Robert Micallef. Is-Sibt filgħodu, Micallef, li hu membru attwali tal-eżekuttiv tal-MFA, nieda uffiċjalment il-kampanja tiegħu għall-elezzjoni ta’ President tal-assoċjazzjoni, u fid-diskors tiegħu mal-ġurnalisti preżenti, hu spjega l-viżjoni tiegħu u l-manifest elettorali għal din l-elezzjoni, li permezz tiegħu qed jippreżenta lilu nnifsu bħala l-alternattiva għat-tmexxija preżenti fil-futbol lokali.

Micallef qiegħed iwiegħed li l-membri li jiffurmaw parti mill-familja tal-futbol, se jkunu fil-qalba tal-assoċjzzjoni, li tħares aħjar il-governanza u t-trasparenza.

Micallef żied jgħid li l-ideat li qed iressaq permezz tal-kandidatura tiegħu, li hu xeħet fl-aħħar siegħa qabel għalqu n-nomini nhar il-Ħadd li għadda, f’nofs il-lejl, se jitwettqu permezz tal-membri kollha li jagħmlu parti mill-Assoċċjazzjoni Maltija tal-futbol, fosthom, is-supporters, il-klabbs u diversi voluntira li jagħmlu parti minn din il-logħba f’pajjiżna.

Micallef saħaq li skont hu, wasal iż-żmien biex isir bidla fil-futbol Malti. “Għadna bżonn nagħtu lura l-Assoċjazzjoni lill-membri tagħha, għandna bżonn naħdmu id f’id magħhom, għandna bżonn nikkreaw motivazzjoni ġdida u propju l-programm tiegħi huwa bbażżat fuq hekk li flimkien nagħtu u naħdmu biex ngħollu l-football malti fuq il-livell li jmiss,” kompla jgħid il-kandidat għall-President tal-MFA, Micallef.

Fost id-diversi proposti li qed iressaq Micallef fil-manifest tiegħu, Micallef qal li għandu pjan starteġiku dwar it-tim nazzjonali li hu ffukat fuq it-titjib tal-klassifika tal-FIFA. Hawn spjega li dan il-pjan jinvolvi analiżi bir-reqqa, viżjoni fit-tul u strateġiji sostenibbli mmirati lejn il-kisba ta’ progress li jista’ jitkejjel maż-żmien.

Fuq l-infrastruttura, Micallef spjega li l-idea tiegħu hija li jsir investiment fuq il-grawnds li hemm bħalissa sabiex ikunu jistgħu jintlagħbu logħob tal-kampjonati kollha.