Lokali

“Tinqala’ u ssir mill-ġdid, terġa’ tinqala’ u terġa’ ssir mill-ġdid…” – Snin ta’ xogħol li kellu jitlesta f’Diċembru

Ix-xogħol ilu jsir tliet snin u suppost kellu jitlesta fit-23 ta' Diċembru

“Kemm il-darba hemm bżonn li tinqala’ din it-triq wara li jkun ngħata t-tarmak u jerġa’ jitkisser?”

Dan kien wieħed minn ħafna kummenti ta’ persuni li urew ir-rabja tagħhom għal triq li ilu jsir xogħol fuqha għal xejn inqas minn tliet snin; u xejn ma juri li x-xogħol wasal biex jiġi fi tmiemu.

Net News żar Triq Għajn Tuffieħa t-Tnejn filgħodu, fejn jidher li x-xogħol għadu lura – b’partijiet mit-triq li jidhru lesti bit-tarmak illi spiċċaw reġgħu nqalgħu kompletament.

F’post fuq Facebook, Infrastructure Malta ħabbret li din it-triq mir-roundabout tax-Xemxija sa Triq San Martin se tkun qed tingħalaq għat-traffiku miż-żewġ naħat  sas-Sibt 23 ta’ Marzu. U allura, is-sewwieqa se jkollhom jagħmlu tliet ġimgħat għaddejin minn toroq alternattivi… b’riżultat li qed ikun hemm dewmien enormi u saħansitra żieda fit-traffiku.

Kienu ħafna dawk li fakkru kif din it-triq suppost kellha titlesta sa qabel il-Milied tas-sena l-oħra, propju sat-23 ta’ Diċembru. B’persuna oħra tispjega kif din is-saga tidher li ma trid tispiċċa qatt.

Din it-triq hija biss waħda minn sensiela ta’ toroq oħra madwar Malta kollha li jinsabu kollha mħarbtin wara ġimgħat, xhur u wħud saħansitra snin sħaħ isir xogħol fuqhom. Fost dawn hemm it-toroq tal-Mosta, tal-Ħamrun, u issa anke ta’ Fleur de Lys – kollha toroq residenzjali u mdawwrin bi ħwienet u negozji li x-xogħol qed ikun ta’ detriment għalihom.

Ta’ min wieħed ifakkar kif il-Gvern Laburista mar lura mill-wiegħda elettorali li kien għamel – dik li jirranġa u jlesti t-toroq kollha ta’ pajjiżna f’seba snin. Wiegħda oħra, li dan il-Gvern mar lura minnha b’riżultat li l-poplu Malti u Għawdxi kollu qed ibati għan-nuqqasijiet tiegħu.