Ħamrun Spartans għamlu pass falz fi tmiem il-ġimgħa, dan wara li huma sfaw miżmuma fi draw mir-rivali eterni Valletta. Dan kien it-tieni draw konsekuttiv għall-Ispartans wara li l-ġimgħa li għaddiet huma kienu miżmuma wkoll minn Sliema Wanderers. Riżultati li taw ċans lil Floriana li d-distakk ta’ erba’ punti jnaqsuh għal punt wieħed biss. Ħamrun Spartans fetħu l-iskor fl-aħjar mument tal-partita, fil-ħin addizzjonali tal-ewwel taqsima, iżda huma naqsu milli jimponu l-logħba fit-tieni taqsima biex Valletta kisbu d-draw minn penalty diskutibbli. Draw li minkejja li ftit li xejn bidel il-pożizzjoni tal-Beltin fin-naħa t’isfel tal-klassifika, jista’ jservi sabiex jgħolli l-moral tat-tim mill-Kapitali. Issa l-partiti kollha ser ikunu deċisivi peress li kull tim irid il-punti għal objettivi differenti. Għaldaqstant kważi ma’ tista’ tbassar xejn.
Floriana kisbu rebħa komda ta’ 5-1 fuq it-tim tal-qiegħ Gudja United biex b’hekk issa jinsabu għad-dell ta’ Ħamrun Spartans, punt biss taħt il-leaders. Floriana amministraw il-partita għal ħinijiet twal minkejja li kienu Gudja United li fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni tal-partita. Imma hekk kif il-Greens kisbu l-gowl tad-draw bdew jiskurjaw gowl wara l-ieħor biex kisbu rebħa kbira u konvinċenti. Rebħa li tkompli tgħollilhom il-moral li jistgħu jaslu għar-rebħ tal-Kampjonat hekk kif issa it-taqtigħa reġgħet infetħet beraħ. Mill-banda l-oħra Gudja United jiqbgħu ankrati fl-aħħar post fejn fil-ġimgħat li ġejjin ser ikunu huma l-ewwel deċiżjoni tal-istaġun hekk kif jisfaw matematikament relegati.
Sliema Wanderers komplew għaddejjin bil-mument pożittiv tagħħom biex b’rebħa fuq il-ġirien Gżira United saħħew it-tielet post tal-klassifika. Din kienet il-ħdax-il rebħa tal-istaġun għall-Blues fejn il-logħba dehret waħda bilanċjata sakemm fit-tieni taqsima t-tim immexxi minn Paul Zammit tjieb ħafna biex meritatament rebaħ il-partita. Il-Maroons kienu mingħajr il-captain Zachary Scerri li nħass ħafna filwaqt li Minala kien nieqes għal Sliema, it-tnejn li huma sospiżi. Din ir-rebħa fissret double għal Sliema fuq ir-rivali u ġirien Gżira. Fissret ukoll li huma komplew isaħħu t-tielet post tal-klassifika fejn ritorn fl-Ewropa minn ħolma qed iqarreb ħafna lejn ir-realtà.
Mosta kisbu tliet punti importanti fil-ġlieda tagħhom kontra r-relegazzjoni meta għelbu lil Marsaxlokk 2-1. Kienet logħba ferm bilanċjata bix-Xlukkajri jiftħu l-iskor iżda Mosta wettqu reazzjoni tajba biex dawwru r-riżultat favur tagħhom. Inutli l-pressjoni tax-Xlukkajri fl-aħħar parti tal-logħba biex jippruvaw isalvaw il-partita. Tlett punti li jiswew mitqlu deheb lil Mosta fit-tentattiv tagħhom li jsalvaw posthom fil-Kampjonat Premier. Mill-banda l-oħra kważi jisfaxxaw it-tamiet ta’ Marsaxlokk li jispiċċaw fit-tielet post tal-klassifika hekk kif issa d-distakk minn ma’ Sliema Wanderers kiber għal disa’ punti. Mosta xorta għadhom fit-taqtigħa, tant kemm hemm timijiet involuti u viċin xulxin imma r-riżultati ta’ tmiem il-ġimgħa xaqilbu favur tagħhom.
Telf ta’ opportunità għal Santa Lucia li jitbegħdu miż-żona l-ħamra wara li huma sfaw miżmuma minn Sirens fi draw ta’ 1-1. Dan kien pass falz mis-Saints wara li rkupraw tant tajjeb mill-bidu ħażin tal-Kampjonat. Filfatt fl-aħħar ġimgħat huma bdew jiksbu riżultati tajbin biex għall-ewwel darba nqalgħu miż-żona relegazzjoni. It-tim immexxi minn Zinnari kien ġej minn tlett rebħiet konsekuttivi kontra Gudja United, Naxxar Lions u Balzan. Min-naħa l-oħra, Sirens fil-post ta’ qabel tal-aħħar u prattikament rassenjati li ser ikunu wieħed mit-timijiet relegati. Minkejja dan huma kienu ta’ sfida biex wara żewġ telfiet konsekuttivi kisbu draw, inċidentalment kif spiċċa l-konfront tal-ewwel rawnd bejn iż-żewġ timijiet, iżda dakinhar 0-0.
Draw ta’ 1-1 bejn Birkirkara u Balzan, riżultat li ma’ ssodisfa lil ħadd. Kienet logħba bilanċjata f’dan id-derby fejn wara li Balzan ħadu l-vantaġġ b’gowl sabiħ ta’ Jan Busuttil kien Ciolacu li kiseb id-draw bi free-kick dirett fit-tieni taqsima. B’dan ir-riżultat Birkirkara komplew jaraw it-tamiet tagħhom li jiksbu post fl-Ewropa mill-Kampjonat jonqsu filwaqt li t-tim immexxi minn Oliver Spiteri jibqa jissielet għas-salvazzjoni. Filfatt Balzan issa ilhom seba’ logħbiet mingħajr rebħa fejn huwa imparattiv li jibdew iġibu l-punti jekk iridu jibqgħu mal-kbar l-istaġun illi ġej. Meta fadal seba’ logħbiet għat-tim huma jinsabu b’punti daqs Santa Lucia, fil-ħdax-il post, li din is-sena jfisser relegazzjoni.
Finalment Naxxar Lions kisbu tlett punti importanti, dan wara li huma għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 2-0. Kienet rebħa li waslet b’żewġ gowls fl-ewwel parti tat-tieni taqsima biex il-Lions ħadu ftit tan-nifs. Żewġ timijiet li naqsu milli jirbħu fl-aħħar ħarġa tagħhom bil-Pawlisti jispiċċaw fi draw medjokri kontra Balzan filwaqt li Naxxar kienu sofrew ir-raba’ telfa konsekuttiva kontra t-tim li jinsab fit-tieni post Floriana. B’hekk Naxxar irritornaw għar-rebħ u mill-banda l-oħra jkompli l-istaġun inkonsistenti għal Hibernians li prattikament issa temmew it-tamiet tagħhom li jistgħu jikkwalifikaw għall-Ewropa u possibilment ikollhom jikkuntentaw b’post nofs il-klassifika.
INNUTAJNA
LI nhar is-Sibt li għadda saret il-preżentazzjoni tal-pjan tal-kontestant l-ieħor għall-Presidenza tal-MFA s-Sur Robert Micallef. Issa t-taqtiegħa nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu ser tkun bejn Bjorn Vassallo u Robert Micallef. Mill-banda l-oħra hemm ħames kontestanti għal żewġ karigi ta’ Viċi President – Matthew Paris, Adrian Casha, Peter Fenech, Pierre Miceli u Samuel Azzopardi u tlett kontestanti għal kariga oħra ta’ Viċi President li trid timtela minn mara. Dawn huma Dana Farrugia, Maria Azzopardi u Christabelle Chetcuti.
LI nhar is-Sibt li għadda l-avvanz fil-futbol tan-Nisa ġie rikonoxxut waqt is-serata tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali hekk kif l-kowċ Manuela Tesse kif ukoll it-tim tan-Nisa rebħu l-unuri fil-kategoriji rispettivi. Prosit mill-ġdid.
LI nifirħu wkoll lill-klabb ta’ Fgura United li rebaħ l-unur fl-istess lejla fil-kategorija ‘Sport for Social Change Award.’ Dan kien qed isir għall-ewwel darba fejn ta’ min ifaħħar lil dan il-klabb li ħadem favur l-inklużjoni u x-xogħol ġie rikonoxxut.
//= $special ?>