Lokali

Bedingfield jgħid li l-Gvern qed jerfa’ r-responsabbiltà – Vella Gafà tmeri l-inkjesta

Il-kandidata Laburista għall-MEPs Marija Sara Vella Gafà tgħid li l-Istat ma nstabx ħati

“Il-ħażin hu li Jean Paul Sofia miet f’sit li ma kien kontrollat minn ebda awtorità regolatorja. Hija stampa ta’ żbalji mill-ħoxnin li xi ħadd għandu d-dmir li jerfa’ responsabbiltà għalihom. U dan għandu jkun l-Istat …. li naqas milli jżomm għajnejh miftuħa għat-taħwid fil-qasam tal-Eżekuttiv.”

Dan hu fatt iswed fuq l-abjad illi joħroġ mill-inkjesta pubblika dwar it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia u li testwalment kelma b’kelma f’paġna 405 tindika x’responsabbiltà għandu jerfa’ l-Istat – ċioè il-Gvern immexxi minn Robert Abela u sħabu.

Minkejja kollox – u minkejja l-appelli persistenti – ħadd m’għandu stoffa, integrità u kontabbiltà biex jammetti li żbalja u jerfa’ responsabbiltà politika.

Mera ta’ dak li seħħ wara l-eżitu ta’ diversi inkjesti oħrajn fl-aħħar 3 snin fosthom b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, mal-qtil ta’ Bernice Cassar nee Cilia, mal-każ ta’ frodi ta’ Vitals u Steward Healthcare – u agħar minn hekk it-tisbit tas-saqajn ta’ Robert Abela biex isejjaħ inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Miriam Pace…inkjesta li sal-lum il-ġurnata baqgħet ma saritx.

It-Tlieta filgħodu Net News staqsa lil uħud mill-Membri tal-Kabinett ta’ Abela, illi baqgħu ilkoll kemm huma juru fiduċja sħiħa fil-Prim Ministru u fil-Ministri Stefan Zrinzo Azzopardi, Miriam Dalli u Silvio Schembri – membri tal-Kabinett Laburista illi l-Partit Nazzjonalista se jkun qed isejjaħ mozzjoni ta’ sfiduċja fihom.

Net News ħa ukoll il-kummenti tal-Kandidata Laburista għall-Parlament Ewropew u Sindku Laburista tal-Gudja Marija Sara Vella Gafà illi spiċċat tmeri dak li l-inkjesta pubblika sabet; ċioè li l-Istat għandu jerfa’ responsabbiltà għal żbalji ħoxnin…li waslu għal mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.

S’issa, ħadd ma refa’ responsabbiltà – ħadd ma huwa kontabbli – ħadd mhu jimxi bl-eżempju – u agħar minn hekk ebda sinjal ta’ bidla, kif kienet prassi fl-aħħar 11-il sena.