Id-deputati Laburisti fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) llum waranofsinhar għamlu tentattiv wieħed wara l-ieħor biex jipprovaw isibu xi tarf dwar l-Enemalta ta’ 13-il sena iżda ma staqsew xejn dwar l-Electrogas; dan propju fil-kumitat li qed jiddiskuti l-kuntratti tal-power station tal-Electrogas.
Minflok qed itellgħu xhieda li jistgħu jitfgħu dawl fuq il-kuntratti tal-power station tal-Electrogas, il-membri tal-gvern fil-PAC issa qed itellgħu xhieda u jistaqsuhom fuq kif kienet taħdem l-Enemalta 13-il sena ilu.
Ix-xhud tal-lum kien Alex Tranter, li serva bħala Chairman mhux eżekuttiv tal-Enemalta minn April 2005 sa Mejju 2010. Hu spjega l-pjani li kellha l-Enemalta dak iż-żkien u espirrme asodisfazzjon li l-pjani tal-combined cyle u tal-interconnector illum twettqu.
Alex Tranter qal li kien appuntat Chairman mill-Ministru Austin Gatt u spjega li kien ukoll iċ-Chairman tal-Kumitat tal-Enemalta tax-Xiri taż-Żejt.
Hu spjega li 10 snin ilu kien diġà xehed quddiem il-PAC dwar dan il-każ u għalhekk hemm id-dettalji kollha. Ix-xhud qal li l-Kumitat dwar ix-Xiri taż-Żejt kien jevalwa l-offerti dwar ix-xiri taż-żejt.
Hu kompla li ż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt kienet sfida kbira għall-Enemalta qabel l-2013. Ix-xhud spjega li l-proġett tal-power station tal-BWSC kien twettaq lejn l-aħħar tal-perjodu tiegħu u li hu ma kienx involut minħabba konflitt ta’ interess.
Alex Tranter spjega kif il-proġett tal-power station tal-BWSC seta’ jinqaleb miż-żejt għall-gass u għlhekk ma kinx hemm bżonn li jsir investiment ieħor. Dak iż-żmien ma kinx jintuża gass u għalhekk bilfors kellu jintuża ż-żejt, sostna Alex Tranter.
Wara numru ta’ mistoqsijiet mid-deputati tal-gvern, id-Deputat Nazzjonalista u Chairman tal-PAC Darren Carabott staqsa lil Alex Tranter jekk hu qattx, b’xi mod, kien involut fil-proġett tal-power station tal-Electrogas. Alex Tranter wieġeb fin-negattiv għal kull mostqosija għaliex hu ma kellu l-ebda konnessjoni al-proġett tal-power station tal-Electrogas.