Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar
Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar sostna fil-parlament li l-gvern m’għandux jibqa’ jiddefendi l-indifensibbli fl-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia.
Robert Cutajar qal li l-familja ta’ Jean Paul Sofia appellat lid-deputati kollha biex japprovaw it-talba tagħhom biex issir inkjesta pubblika iżda l-gvern kien irrifjuta. Hu qal li l-istorja qed tagħti raġun lill-PN u fakkar kif il-Prim Ministru kien qal lil Isabelle Bonnici biex ma tħalli lil ħadd jużaha.
Robert Cutajar ikkundanna dan id-diskors tal-Prim Ministru u fakkar il-mumenti diffiċli li għaddew minnhom il-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia fil-parlament. Hu qal li t-tagħlimiet għandhom jieħduhom dawk li ivvutaw kontra l-inkjesta pubblika.
Il-PN kien appella lill-kapijiet tal-awtoritajiet biex ikunu responsabbli fid-deċiżjonijiet tagħhom iżda dawn ma semgħux biex issa ġara dak li ġara. Jeħtieġ li l-gvern ma jibqax jiddefendi l-indifensibbli, sostna Robert Cutajar, li kompla li min ikkaġuna l-iżball ma jistax ikun parti mis-soluzzjoni.
Robert Cutajar qal li l-gvern ma jridx li jibdew diskussjonijiet biex isiru bidliet fl-ordnijiet tal-parlament biex b’hekk ikunu jistgħu jsiru diskussjoni dwar il-mozzjonijiet tal-Oppożizzjoni b’mod iktar spiss.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern ħatar sotto-kumitat biex iwettaq ir-riformi u fih hemm biss ministri tal-gvern, l-istess gvern li nstab ħati tat-traġedja ta’ Jean Paul Sofia. Dan mhux aċċettabbli, sostna Robert Cutajar.