Imħallef ordnat is-separazzjoni tal-kawża ta’ żagħżugħ mill-Kosta tal-Ivorju, li hu maħsub li ħarab biex jevita li jgħaddi ġuri talli ħataf it-tanker taż-żejt El Hilblu, fejn żewġ żgħażagħ oħra li qed jiffaċċjaw l-istess akkużi.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ordnat is-separazzjoni wara li semgħet lill-Ispettur tal-Pulizija Omar Zammit jixhed li Abdul Kader ħarab u l-pulizija ħarġet mandat ta’ arrest internazzjonali u Ewropew. “Kader ilu nieqes mis-sajf. Sal-lum m’għandniex informazzjoni dwar fejn jinsab,” qal l-ispettur.
Huwa kien qed jixhed waqt seduta li saret biex tikkontesta legalment aspetti tal-att ta’ akkuża ta’ qabel il-ġuri. Kader huwa wieħed mit-tliet żgħażagħ akkużati li ħatfu tanker taż-żejt meta kellhom 15, 16 u 19-il sena.
It-tnejn l-oħra huma Amara Kromah, l-iżgħar, u Abdalla Bari, il-kbir. It-tnejn huma mill-Guinea. L-imħallef ordnat li l-każ kontra Kromah u Bari jinstema’ separatament mill-każ kontra Kader biex il-proċediment jibqa’ għaddej fid-dawl tan-nuqqas tiegħu.
F’Novembru tas-sena l-oħra l-Avukat Ġenerali ħareġ l-att ta’ akkuża kontra l-irġiel, li essenzjalment ifisser li se jgħaddu ġuri u jiffaċċjaw akkużi ta’ terroriżmu. Id-deċiżjoni tal-AĠ reġgħet bdiet każ li dam rieqed għal aktar minn sena wara li l-prosekuturi temmew ippreżentaw l-evidenza tagħhom kontra l-akkużat f’Settembru 2022.
It-tlieta jistgħu jiffaċċjaw sentenza ta’ għomor il-ħabs jekk jinstabu ħatja. Id-deċiżjoni ħasdet lill-attivisti internazzjonali li kkampanjaw biex il-każ kontra l-akkużat, imsejjaħ El Hiblu 3, jieqaf. Iż-żewġt irġiel, Amara Kromah u Abdalla Bari, huma akkużati li ħatfu l-El Hiblu 1 u li ġagħlu lill-kaptan tiegħu biex ma jittrasportahomx – flimkien ma’ 108 persuna oħra li l-ekwipaġġ tiegħu kien qabad mill-baħar – lura lejn il-Libja, fejn iffaċċjaw persekuzzjoni u tortura.
L-irġiel jiċħdu l-akkużi, u jinsistu li kienu aġixxew bħala interlokuturi bejn il-kaptan tal-vapur u l-bqija tal-immigranti. L-awtoritajiet Maltin kienu saħqu li l-inċident jiddefinixxu bħala “piraterija” u akkużaw lit-tliet żgħażagħ – li dak iż-żmien kellhom biss 15, 16 u 19-il sena – b’reati serji, uħud taħt leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu.
It-tliet akkużati ġew akkużati f’Novembru li għadda, mossa kkundannata minn diversi korpi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom Amnesty International u Sea Watch, li kemm-il darba talbu lill-awtoritajiet Maltin biex iwarrbu l-akkużi.
F’Settembru 2023, il-maġistrat li jippresiedi l-kumpilazzjoni tal-evidenza ħarġet mandati ta’ arrest internazzjonali u Ewropej għal Koni Tiemoko Abdoul Khader, mill-Kosta tal-Avorju, wara li l-qorti tagħha ġiet infurmata li kien ilu sitt ġimgħat ma ffirma l-ktieb tal-pleġġ u kien preżunt li kellu ħarab.
It-tlieta kienu nżammu fil-kustodja tal-pulizija għal tmien xhur u ngħataw il-libertà proviżorja f’Novembru 2019. Huma qed jiċħdu l-akkużi u jgħidu li kienu qed iservu biss bħala tradutturi għal oħrajn abbord il-vapur, peress li kienu jitkellmu bl-Ingliż u setgħu jikkomunikaw mal-kaptan.
L-Avukat Malcolm Mifsud qal lill-Qorti li l-klijenti tiegħu, Abdalla u Amara, kienu qed jiddikjaraw li ġew notifikati bir-rikors tal-AĠ biex jiġu pproċessati separatament u ma kinux qed joġġezzjonaw għat-talba.
Il-każ ġie differit għat-12 ta’ Marzu. L-avukati Neil Falzon, Cedric Mifsud u Gianluca Cappitta qed jassistu wkoll lill-irġiel akkużati.


