It-Tmexxija ta’ Iżrael qed tinsisti biexil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jiddikjara uffiċjalment lill-Ħamas bħala organizzazzjoni terroristika filwaqt li timponi s-sanzjonijiet ‘ta’ livell internazzjonali’ għal din l-entità.
Dan wara li l-investigaturi tan-Nazzjonijiet Uniti żvelaw li hemm ‘informazzjoni konvinċenti’ li l-ostaġġi Iżraeljani miżmuma f’Gaża spiċċaw suġġetti għall-istupru u diversi forom ta’ tortura… Fl-istess ħin hu suspettat li dawn l-abbużi ‘inaċċettabbli’ qegħdin ikomplu fid-diversi bnadi ta’ Gaża kontrollati mill-Ħamas u fejn jispikka t-trattament ‘inuman u degradanti’ tal-ostaġġi.
L-investigaturi anki sabu ‘data kredibbli’ li tindika li t-terroristi tal-Ħamas li attakkaw lil Iżrael fis-7 ta’ Ottubru wettqu sensiela ta’ azzjonijiet vjolenti bi skop sesswali u li jitqiesu bħala reat tal-gwerra.
Il-Ministeru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin, intant, laqa’ tajjeb ‘l-għarfien definittiv tan-NU li tal-Ħamas wettqu r-reati sesswali’ huma u jimmassakraw lill-familji sħaħ f’dak il-jum infami ta’ Ottubru.
Iżda l-Ħamas ċaħad ir-rapport tan-NU bħala ‘wieħed bla bażi u intiż biss biex juri r-reżistenza tal-Palestinjani fl-agħar dawl possibbli.’
Il-grupp Ħamas fl-istess ħin qed jiċħad li l-ġellieda tiegħu aggredew lin-nisa Iżraeljani għal skop sesswali huma u għaddejjin bl-azzjonijiet tas-7 ta’ Ottubru — u li l-kelliema fissruhom bħala ‘azzjonijiet militari’. Il-Ħamas ċaħad ukoll li qed jimmaltratta kontinwament lill-ostaġġi nisa li l-ġellieda tiegħu kienu ħadu magħhom lejn Gaża waqt l-attakki.
Fl-attakki tas-7 ta’ Ottubru nqatlu ‘il fuq minn 1,200 Iżraeljan mill-Ħamas – bit-terroristi jaħtfu viċin it-300 ostaġġ. U r-rapport tan-NU qal li l-missjoni tagħha rat is-sinjali li l-vjolenza sesswali relatata mal-bidu tal-konflitt seħħet f’diversi lokalitajiet ta’ Iżrael – fosthom is-sit fejn kien qed isir il-festival tal-mużika ta’ Nova, il-Kibbutz (zona komunitarja) ta’ Re’im kif ukoll fi triq prinċipali.
//= $special ?>