Basketball Sport

Knock-Out BOV Irġiel: Sigma Depiro se jisfidaw lill-holders Starlites JSD fil-finali

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Starlites JSD….121

Hibernians…….108

(33-33)(31-21)(28-20)(29-34)

Wirja verament tajba mic-champions u holders ta’ din il-kompetizzjoni Starlites rathom javvanzaw għal finali meta għelbu lil Hibernians 121-108. Rari li żewġ timijiet jaqbżu l-mitt punt fl-istess partita però din is-semifinali li ntlagħbet quddiem attendenza numeruża offriet basketball mill-isbaħ lil dawk li kienu preżenti. Wieħed ta min isemmi l-wirja ta players bħal Alec Felice Pace li sa’ ġurnata qabel kien dubjuż jieħux sehem fil-partita minħabba uġiegħ fi spalltu kif ukoll l-Amerikan Mason Hix li spiċċa b’total ta’ 45 punt. Starlites kellhom persentaġġi mill-aqwa kemm minn ġewwa fejn spiċċaw b’70.3% u kemm mit-trippli fejn għamlu 17 minn 38 tentattiv għal persentaġġ ta’ 44.7%. Ta’ min isemmi wkoll id-disa’ assists kull wieħed ta’ Matthew Attard u Ian Felice Pace. Għal Hibs kien hemm ukoll 26 punt għal Nicholas Brennen li ġie lura minn injury u 21 għal Ivan Demcesen.  Il-partita mall-ewwel uriet li se tkun ta’ skor għoli hekk kif iż-żewġ timijiet bdew isibu l-basket b’kontinwita kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra fejn sa’ nofs is-sessjoni Hibs kellhom vantaġġ ta’ seba’ punti 21-14 bil-punti ta’ Demcesen u trippli ta’ Hix u Brennen. Għal Starlites kien Felice Pace li beda l-partita b’mod stupend u tlett baskets konsekuttivi tiegħu poġġew lil Starlites fuq quddiem 23-21. Starlites kellhom ukoll it-trippli minn Attard u Kurt James però Hibs ġew lura b’seba’ punti mingħajr risposta biex marru 5 minn fuq 33-28. Fl-aħħar 30 sekonda, James għamel ħames punti oħra biex it-taqsima ntemmet f’parita fuq skor mill-isbaħ ta’ 33-33. Il-bidu tat-tieni taqsima kien f’idejn Starlites li għamlu run ta’ 17-2 fejn kellhom aktar trippli minn Felice Pace, Attard u Christian Hinckson. Hibs ippruvaw jwieġbu permezz ta’ Luke Farrugia u Demcesen però s-shooters ta’ Starlites kienu f’ġurnata ta’ grazzja u komplew ġejjin il-punti minn Attard u Felice Pace flimkien ma’ Davonte Craven biex daħlu jistrieħu 64-54 minn fuq.

It-tielet taqsima fetħet b’basket fuq kull naħa minn James u Anton Axiaq qabel ma Starlites għamlu run oħra ta’ 15-2 bi tlett trippli oħra minn Attard biex kabbru l-vantaġġ għal 23 punt 81-58. Hibs kellhom risposta minn Brennen bi trippla u Demcesen però għal Starlites kien hemm ir-risposta mmedjata minn Craven. Hix għamel sitt punti konsekuttivi però eżatt ma’ tmiem it-taqsima Jacob Bourke Doggett għalaq bi trippla għal Starlites fuq skor ta’ 92-74. Fil-bidu tal-aħħar perjodu ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin bi Starlites jagħqqdu l-mitt punt b’basket ta’ Craven fit-tielet minuta. Il-punti komplew ġejjin b’mod regolari fejn ankè Hibs għaqqdu l-mitt punt b’fast break ta’ Hix però finalment kienu Starlites li ħarġu rebbieħa 121-108.

Starlites JSD: A. Felice Pace 31, C. Hinkson 23, M. Attard 20, S. Aquilina, I. Felice Pace, M. Fabri 3, K. Fabri, M. Scerri, D. Craven 15, J. Bourke Doggett 12, N. Sultana, K. James 17.

Hibernians: P. Attard, B. Zammit, L. Attard, L. Farrugia 10, A. Axiaq 4, R. Aquilina, M. Attard 2, M. Hix 45, I. Demcesen 21, N. Brennen 26, S. Simic.

Referees: Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic, Fiorentina Ciurariu

Sigma Depiro…………………………….87

Mellieħa Libertas Spalding……….84

(25-23)(18-22)(27-26)(17-15)

Sigma Depiro kisbu post fil-finali wara rebħa fuq il-finalisti telliefa tal-istaġun li għadda Mellieħa Libertas b’distakk ta’ 3 punti 87-84. Il-partita kienet kumbattuta sal-aħħar sekondi biż-żewġ timijiet viċin xulxin bil-vantaġġ jinbidel għal xejn anqas minn 14 -il darba għalkemm Depiro kellhom vantaġġ massimu ta’ disa’ punti fit-tielet sessjoni 68-59. Depiro approfittaw mis-sbatax -il offensive rebound li kellhom fejn minnhom għamlu 27 punt. Depiro kienu mingħajr Nicholas Grech però Mellieħa kellhom nieqes lil wieħed mill-aħjar skorers tagħhom Vukassin Jandric u tul il-partita tilfu wkoll lill-Amerikani Kwame Thompson b’injuru u Alex Peacock u Tederick Wolfe bil-ħames foul. Għal Depiro kien hemm ukoll l-injury ta’ Andrew Aquilina fit-tielet sessjoni. Wara bidu bilanċjat fejn Depiro ħadu vantaġġ ta’ punt 7-6, Mellieħa kellhom il-punti ta’ Wolfe qabel ma Cameron Cornelius kellhu trippla għal Depiro. Depiro komplew bi break ta’ 11-4 b’diversi punti ta’ Kameron Rooks u trippla oħra ta’ Cornelius biex temmew it-taqsima 25-23 minn fuq. Mellieħa fetħu t-tieni perjodu bi trippla ta’ David Bugeja però Depiro wkoll wieġbu bi trippla minn Aquilina. Punti minn Wolfe raw lil Mellieħa jagħmlu l-iskor indaqs 32-32 qabel ma Cornelius u Rooks reġgħu poġġew lil Depiro fuq quddiem. Mellieħa wieġbu b’żewġ trippli ta’ Corrado Mercurio u oħra minn Robert Bonnici però Aquilina ippareġja eżatt mal-ħoss tal-buzzer għal skor ta’ 43-43.

Wara l-intervall, Depiro bdew b’ħames punti mingħajr risposta minn Rooks u Cornelius. Mellieħa kellhom risposta minn Wolfe u Peacock  flimkien ma’ trippla minn Robert Bonnici. Hawn kien hawn mument tajjeb għal Nikola Bozovic ta’ Depiro li kellhu tlett trippli konsekuttivi biex Depiro fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 63-55. Mellieħa rkupraw bill-punti ta’ Thompson qabel weġġa’ flimkien ma’ trippla oħra ta’ Bonnici biex it-taqsima għalqet bid-Depiro fuq quddiem 70-69. Mellieħa kellhom jilgħabu l-aħħar taqsima mingħajr Thompson u b’Wolfe u Peacock fuq ir-raba’ foul għalkemm dan tal-aħħar kellhu baskets li poġġewhom fuq quddiem 77-74. Rooks naqqas id-distakk però Isaac Bonett kellhu trippla għal Mellieħa biex tahom vantaġġ ta’ 5 punti 80-75. Depiro għamlu seba’ punti mingħajr risposta bi trippla ta’ Miguel Mallia u hekk kif Mellieħa tilfu ż-żewġ Amerikani, Depiro għamlu l-aħħar 5 punti fosthom free-throw fuq foul tekniku kontroversjali imsaffar lil Wolfe u rebħu l-partita 87-84.

SIGMA Depiro: S, Galea 1, L. Trapani, N. Bozovic 16, A. Aquilina 7, A. Hollins 8, K. Rooks 19, M. Brincat 2, M. Mallia 7, C. Cornelius 25, N. Bukva 2.

Mellieħa Libertas: T. Wolfe 22, D. Bugeja 11, R. Bonnici 15, I. Bonett 3, R. Carabott, A. Peacock 23, K. Thompson 4, C. Mercurio 6.

Referees: Bernard Vassallo, Nicky Azzopardi, Artun Bayraktar.