Basketball Sport

Knock-out Mapfre MSV Life Nisa: Finali bejn Caffè Moak Luxol u Depiro

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Caffè Moak Luxol….89

Fusion Quest…………34

(31-8)(22-6)(17-5)(19-15)

Kif mistenni, Luxol qatgħu passaġġ għall-finali tal-Mapfre MSV Life Knock-out meta għelbu lil Fusion Quest 89-34. Luxol kienu mingħajr Lisa Fenech Pace kif ukoll Mandi Mercieca hekk kif il-coach Santino Coppa ħalla fuq il-court diversi players żagħżagħ. Fil-fatt, Josephine Diaby lagħbet biss minuta u 24 sekonda, l-Amerikana Tayler Bennett kienet fuq il-court għal-ewwel żewġ minuti. Fusion kellhom biss ħames players għal din il-partita. Vanya Baldacchino  spikkat b’total ta 33 punt u kien hemm ukoll 13 għal Nolene Vella fost l-oħrajn. Luxol kienu dominanti sa’ mill-ewwel minuti tal-partita u bdew b’run ta’ 21-0 fejn kien hemm fost l-oħrajn il-baskets minn Ella Abela, Baldacchino u Vella. L-ewwel punti  ta’ Fusion ġew minn trippla ta’ Julia Schembri segwita minn oħra ta’ Nicole Vella qabel ma Luxol għamlu 8 punti oħra biex temmew l-ewwel sessjoni 31-8 minn fuq. It-tieni taqsima fetħet bi trippla ta’ Michela Marmara u l-punti ta’ Luxol komplew ġejjin minn Baldacchino fi break ieħor qawwi ta’ 16-2 u daħlu jistrieħu 53-14 minn fuq.

Wara l-intervall, Fusion bdew b’basket minn Nicole Montalvo u f’din it-taqsima kellhom ukoll il-punti minn Schembri u Vella. Għal Luxol kienet Baldacchino li kompliet tikseb il-punti flimkien ma’ Said u Michelle Camilleri għal skor ta’ 70-19. Fl-aħħar sessjoni l-logħob kien aktar maqsum u  wara li Luxol kellhom punti konsekuttivi minn Vella, Fusion wieġbu permezz ta’ Vella u Schembri flimkien ma’ Montalvo. Baldacchinio wieġbet bi trippla għal Luxol li kkontrollaw l-aħħar minuti tal-partita u ħarġu rebbieħa 89-34.

Caffè Moak Luxol: T. Bennett 2, H. Galea 4, N. Vella 13, E. Abela 10, M. Camilleri 2, S. Fenech Pace, J. Diaby 2, J. Said 6, V. Baldacchino 33, S. Farrugia 4, M. Marmara 9, A. Fenech Pace 4.

Fusion Quest: J. Schembri 13, E. Pace 3, M.R. Opauski 2, N. Vella 7, N. Montalvo 9.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Nicky Azzopardi  

Depiro………….73

Starlites JSD…46

(14-12)(18-12)(16-5)(25-17)

Depiro kellhom potenzjalment l-aqwa wirja tal-istaġun meta fit-tieni semi-finali eleminaw lil holders Starlites JSD b’rebħa konvinċenti ta’ 73-46. Depiro kienu diġa għelbu lil Starlites fil-kampjonat però dakinhar Starlites kienu mingħajr l-Amerikana Paige Cannon b’hekk din ir-rebħa fin-Knock-out iżżid il-prestiġju tagħha. Kienet wirja kollettiva li tat dan ir-riżultat lit-team ta’ Adrian Baldacchino, mill-puni ta’ Julia Borg, Kristy Galea u Jose Ann Johnson sad-difiża ta’ Sophie Abela u Claire Ciantar. Starlites ma kellhomx l-istess ritmu speċjalment fl-attakk fejn fit-tielet sessjoni kellhom biss basket wieħed sal-aħħar 20 sekonda. Johnson bdiet bl-ewwel erba’ punti tal-partita però Starlites wieġbu bi break ta’ 8-0 bi trippli minn Steffi De Martino u Mikela Riolo. Depiro rrispondew bi break ta’ 10-2 b’punti minn Johnson, Abela u Borg u temmew l-ewwel sessjoni 14-12 minn fuq. Fit-tieni taqsima Depiro komplew fejn ħallew u għamlu break ieħor ta’ 9-2 bi trippla ta’ Galea biex marru 9 minn fuq 23-14. Starlites ippruvaw jirkupraw bil-punti ta’ De Martino u Riolo però Abela għamlet trippla għal Depiro li daħlu jistrieħu 32-24 minn fuq.

Wara l-intervall, Starlites sabu diffikulta biex jagħamlu l-punti fil-waqt li Depiro għamlu 14 -il punt mingħajr risposta. Huma kellhom fost l-oħrajn trippla ta’ Borg flimkien mal-punti ta’ Ciantar u Galea. Kien biss lejn tmiem is-sessjoni li Starlites kellhom trippla minn Andie Saliba għal skor ta’ 48-29. Fl-aħħar perjodu Starlites dehru rassenjati minkejja li bdew bil-punti ta’ Michela Zammit Cordina u Saliba. Depiro però kellhom trippla ta’ Galea flimkien ma’ run ta’ 13-4 bil-punti ta’ Abela u Johnson biex fetħu vantaġġ ta’ 27 punt 64-37.  Sa’ tmeim il-partita kien hemm spazju għat-tielet trippla ta’ Galea u l-punti ta Cannon għal Starlites però l-partita kienet deċiża hekk kif Depiro ħarġu rebbieħa 73-46. Il-finali bejn Caffè Moak Luxol u Depiro se tintlagħab nhar il-Ħadd 10 ta’ Marzu fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar.

Depiro: S. Abela 11, Ni. Agius, J. Xerri 8, J. Mallia, L. Sciberras 2, No. Agius, C. Ciantar 6, J. Borg 13, J. Johnson 19, M. Micallef, N. Borg, K. Galea 13.

Starlites JSD: M. Zammit Cordina 3, M. Riolo 7, A. Saliba 5, M. Fenech, M. Bonett 2, S. De Martino 12, P, Cannon 17, P. Riolo, Y. Ferrando, C. Cilia, C. Curmi.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic.