Internazzjonali

L-Iran: Elezzjonijiet mirbuħa mill-konservattivi…iżda l-konkorrenza baxxa tal-votanti għandha tinkwieta lir-reġim ta’ Khamenei

L-analisti li segwew bir-reqqa l-elezzjonijiet għall-Parlament tal-Iran qalu li, irrispettivament mir-riżultat, ir-rebħa tal-Konservattivi li ma jridux jibdlu d-direzzjoni ta’ pajjiżhom ma tirriflettix il-veru rieda tal-poplu – speċjalment wara li numru sinifikanti ta’ Iranjani ma eżerċitawx id-dritt tal-vot.

Fl-istess ħin, l-analisti qed jgħidu li t-turnoutbaxx ‘inkredibbli’ fl-Iran qed juri, fost oħrajn, li ħafna fost il-poplu huma mxebbgħin mill-politika – sal-punt fejn huma deċidew li jisfidaw lill-Ayatollah Ali Khamenei, il-Mexxej Suprem tal-pajjiż, li kien qed iwettaq pressjoni fuq iċ-ċittadini biex ‘joħorġu u jivvutaw bi ħġarhom’.

Fl-elezzjonijiet parlamentari tal-2020 kienu vvutaw xi 42 fil-mija fost l-Iranjani u li kien xokk qawwi għar-reġim f’Tehran.

U din id-darba, it-turnout ta’ 41 fil-mija qed jitqies bħala wieħed baxx rekord għall-Iran –  bil-parti kbira tal-kandidati moderati u riformisti jispiċċaw projbiti milli jikkuntestaw l-ewwel elezzjonijiet minn wara l-protesti tal-massa storiċi tal-2022 fil-pajjiż.

Kien ukoll sinifikanti l-kumment ta’ Mohammad Khatami, eks President Iranjan u riformista, li qal li l-Iran ‘jinsab ferm ‘il bogħod mill-elezzjonijiet li jistgħu tassew jitqiesu bħala ħielsa u kompetittivi’.

Anki l-eks President Iranjan Hassan Rouhani – politiku moderat – ma tħalliex jikkuntesta l-aħħar elezzjonijiet u minkejja li hu kien serva fl-Assemblea ta’ Tehran għal 24 sena. Dan ukoll meta Rouhani kien ilu jwissi dwar ‘l-istil tal-votazzjonijiet (fl-Iran) li qed inaqqar mill-fiduċja tal-poplu li jkun irrappreżentat tassew mill-kandidati preferuti’.

Il-Ministru Iranjan għall-Intern, Ahmad Vahidi, qal, waqt konferenza tal-aħbarijiet li madwar 25 miljun, minn fost il-61 miljun Iranjan eliġibbli, ħadu sehem fil-votazzjoni tal-Ġimgħa u li madwar ħamsa fil-mija fost il-voti mitfugħin kienu invalidi.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Iran, Ebrahim Raisi, faħħar ‘il-konkorrenza tal-Iranjani li vvutaw bil-passjoni għall-Parlament tagħhom’. Hu saħaq li dawn in-nies anki taw ‘daqqa ta’ ħarta kbira lill-avversarji tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran’.