Mir-Rapport tal-Inkjesta Pubblika ta’ Jean Paul Sofia joħroġ bl-aktar mod ċar li l-Ministri Miriam Dalli, Silvio Schembri u Stefan Zrinzo Azzopardi – taħt id-direzzjoni ta’ Robert Abela – ħadmu b’sistema intenzjonalment frammentata.
Dan kien il-mesasġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit u mix-Shadow Minister għall-Enerġjia, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Ryan Callus, li fakkru kif il-Bord tal-Inkjesta kien ċar li s-separazzjoni Ministerjali tal-Malta Enterprise u l-INDIS ma wasslitx għall-frott mixtieq u mistenni.
Il-kelliema qalu li l-Inkjesta sabet li l-iskrutinju kien irregolari, diżrispettuż lejn il-Liġi u inkompetenti. Min-naħa tagħha, Miriam Dalli ħadnet u kkonfermat din is-sistema. Għaldaqstant, anke hi għandha terfa’ r-responsabbiltà politika, hekk kif id-direzzjoni tiġi minn fuq.
Ix-Shadow Ministers innotaw kif s’issa kellna biss riżenji amministrattivi. Madankollu, Robert Abela u sħabu qed jippruvaw jgħattu n-nuqqasijiet kbar li kien hemm mill-Eżekuttiv, jiġifieri mill-Gvern. B’hekk, min hu responsabbli mit-traġedja ta’ Jean Paul Sofia ma jistax iwettaq ir-riformi fis-settur tal-kostruzzjoni.
Ix-Shadow Ministers fakkru kif, meta seħħet it-traġedja f’Kordin, Miriam Dalli kienet responsabbli politikament mill-Malta Enterprise, li tat l-art fejn seħħ il-każ. Iżda minkejja li saru 20 siegħa ta’ dibattitu fil-Parlament, ħadd min-naħa tal-Gvern – inkluż Miriam Dalli – ma kellu l-fibra morali li jitlob skuża lil omm u missier Jean Paul talli ma riedux li ssir l-Inkjesta Pubblika.
//= $special ?>