Lokali Qorti

Multa ta’ €2,500 wara li ħalla baqra tbati

Raħħal ta’ 32 sena mill-Fgura ġie ordnat mill-Maġistrat Nadine Sant Lia biex fi żmien sena jħallas multa ta’ €2,500 wara li nstab ħati li ħalla baqra tbatija li hi klassifikata bħala moħqrija fuq l-annimali fejn din spiċċat biex mietet.

Robert Attard kien tressaq mill-Ispettur Elliott Magro mxili li fil-25 ta’ Lulju 2019, u fil-jiem ta’ qabel, f’Ħaż-Żabbar, ġiegħel annimal isofri. Xhud importanti kienet veterinarju li taħdem mal-Animal Welfare Unit li qalet li hija marret fir-razzett fuq sejħa ta’ emerġenza minħabba li baqra tal-ħalib ma setgħetx toqgħod fuq saqajha.

Hi sabet li l-baqra kienet qed tbati u fil-fehma tagħha kienet feruta madankollu qalet li ma setgħetx tinviżtaha sew minħabba l-aġir tal-akkużat. Il-veterinarja qalet fil-Qorti li minħabba l-kundizzjoni tal-baqra din lanqas ma kienet tajba biex tinqatel għall-ikel.

Hija żiedet li faċli li baqra li tagħmel il-ħalib issofri ksur ta’ għadam jekk ma tingħatax supplimenti apposta minħabba li f’dan il-każ ikollha nuqqas ta’ kalċju. Kompliet tgħid li hija riedet traqqad lill-baqra biex ma tkomplix issofri imma l-akkużat ma riedx u insista li jżomm il-baqra sakemm jgħaddilha.

Kien għalhekk li ma kellhiex għażla oħra ħlief li tagħmel rapport li wasslu għall-proċedimenti fil-Qorti kontra r-raħħal. Irriżulta li l-baqra mietet fir-razzett fl-1 ta’ Awwissu 2019 bil-veterinarja tgħid li probabbilment b’ħafna tbatija.

Id-difiża qalet li l-akkużat ma kellu ebda intenzjoni li jara lill-baqra tbati u ried li tfiq. Madankollu l-Maġistrat Sant Lia warrbet dan l-argument. Qalet li rriżulta li l-annimal kien qed ibati u li l-akkużat injora għal kollox l-istruzzjonijiet u ħalliha mingħajr kura tant li mietet ġimgħa wara. Meta qieset kollox il-Qorti qalet li ma hemm l-ebda dubju li l-baqra sofriet ħafna mill-atteġġament tal-akkużat.