Żagħżugħ ta’ 24 sena li nstab ħati li rranġa logħba futbol fl-2020 ġie kkundannat sitt xhur ħabs wara li l-Qorti tal-Appell qablet mal-Avukat Ġenerali li s-sentenza tiegħu kellha tkun aktar ħarxa fid-dawl tal-akkużi miġjuba kontrih. Huwa ġie kkundannat ukoll li ma jista’ jersaq lejn l-ebda attività sportiva għall-perjodu ta’ 10 snin.
Rudgear Scerri kien ġie akkużat b’rabta ma’ partita bejn Attard FC u Kalkara FC fl-2020 mill-kampjonat Amateur League li nstabet li kienet mbagħbsa. Hu kien wieġeb ħati għall-akkużi ta’ xiri ta’ logħob li jmorru kontra l-integrità tal-isport, kif ukoll li naqas milli jinforma l-awtoritajiet u organizza logħob fuq l-idejn.
Attard FC kien ingħata penali ta’ disa’ punti, immultat €1,000 u pprojbit għal ħames snin minn kompetizzjonijiet internazzjonali wara li nstabu ħatja li kisru r-regolamenti tal-assoċjazzjoni dwar tixħim u imħatri fuq logħbiet tal-futbol.
Il-partita bejn Kalkara u Ħ’Attard kienet ntlagħbet fil-5 ta’ Diċembru 2020. Meta twettaq ir-reat, Scerri kien parti mill-kumitat ta’ Attard FC iżda tneħħa minn din il-kariga b’rabta mal-każ. Il-Pulizija kienet irċeviet informazzjoni dwar it-tixħim u arrestat lil Scerri f’daru fejn ġew sekwestrati madwar €20,000 jew €30,000. Hu ammetta mal-ewwel għall-akkużi miġjuba kontrih u ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultat €50,000.
B’rabta ma’ dan il-każ, Attard FC kellu disa’ punti mnaqqsa, ġie mmultat €1,000 u ġie pprojbit milli jilgħab b’kompetizzjonijiet internazzjonali għal ħames snin.
Iżda l-Avukat Ġenerali appella din is-sentenza u qal li l-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni fl-Isport timponi sentenza ta’ priġunerija ta’ mhux aktar minn tliet snin meta persuna tiġi akkużata b’reati “li jinvolvu l-manipulazzjoni ta’ avveniment sportiv”.
Hu semma wkoll li l-persuna akkużata għandha tiġi pprojbita milli tipparteċipa fi kwalunkwe sport f’Malta għal perjodu twil. Il-Qorti tal-Appell qablet li “għandha idejha marbuta u hija obbligata li timxi skont il-liġi”.
Filwaqt li kkunsidrat li l-kondotta taż-żagħżugħ hija nadifa u dan ammetta mal-ewwel meta tressaq il-Qorti, il-Qorti tal-Appell qalet li l-liġi hija ċara dwar akkużi li jorbtu mal-korruzzjoni fl-isport. Scerri ġie kkundannat sitt xhur ħabs filwaqt li ġie pprojbit jattendi jew ikun preżenti f’binja fejn hemm avveniment sportiv għaddej għal għaxar snin. Il-Qorti ordnat ukoll l-interdizzjoni perpetwa ġenerali tiegħu.
//= $special ?>

