Mhumiex mistennija s-sorpriżi kbar waqt il-votazzjoni ewlenija (attwali), magħrufa bħala Super Tuesday, li hi l-akbar jum tal-programm elettorali tal-2024…Proċess li qed isir qabel il-poplu Amerikan, f’Novembru, jagħżel il-President li jrid imexxih fuq perjodu ta’ erba’snin.
Intant, il-votanti fi 15-il Stat Amerikan qed jivvutaw għall-kandidat ippreferut biex jikkuntesta għall-White House. Fl-istess ħin hu rari li l-proċessi tan-nominazzjonijiet għall-Partit Repubblikan u l-Partit Demokratiku kellhom jispiċċaw kważi konklusi daqstant kmieni fis-sena tal-elezzjoni.
Il-15-il Stat ikopru territorji mil-Lvant sal-West Coast tal-Istati Uniti – b’votazzjoni oħra qed issir fit-territorju ta’ American Samoa. L-aktar kandidat popolari tal-partiti rispettivi fi kwalunkwe Stat għandu jirbaħ miegħu id-delegati li jappoġġjawh għan-nomina tal-partit inkwistjoni.
L-ewwel primarji tal-partiti rispettivi, fil-fatt, urew is-saħħa u l-appell tal-President Amerikan Joe Biden, il-kandidat tal-Partit Demokratiku, u tal-eks President Amerikan Donald Trump li hu aktar minn 90 fil-mija ċert li jegħleb l-isfida ta’ Nikki Haley għat-tikketta tar-Repubblikani.
Filwaqt li Haley qalet li mhix se twarrab mit-tellieqa, il-President Biden mhux qed ikun ikkuntestat għan-nomina tal-Partit Demokratiku – għalkemm il-ġimgħa l-oħra hu kellu jiffaċċja vot ta’ protesta f’Michigan b’kaġun tal-gwerra li għaddejja f’Gaza.
//= $special ?>