Sport Sport Ieħor

Stennija għall-wirja annwali organizzata minn Old Motors Club

Nhar it-Tlieta 19 ta’ Marzu, Old Motors Club Malta se jerġa’ jorganizza l-wirja annwali tiegħu b’risq id-Dar Tal-Providenza.

Din l-attività ġiet organizzata għall-ewwel darba s-sena l-oħra, fejn kienu esebiti aktar minn 100 karozza u minbarra n-numru sabiħ ta’ nies li żaru din il-wirja €2,200 ġew miġbura u ngħataw lil Fr Martin biex minnhom jibbenefikaw aktar minn 100 resident fid-Dar Tal-Providenza.

Il-wirja kienet tinkludi karozzi vintage mill-bidu tad-disgħinijiet, inkluż Ford Model T, sa karozzi tal-aħħar tad-disgħinijiet, inklużi supercars u vetturi kummerċjali.

Il-miri għal din is-sena huma ferm ogħla, hekk kif se jkun hemm żona fejn xi ħadd jista’ jieħu kafè u snack ħafif, Autojumble, kif ukoll opportunità li tmur għal dawra sabiħa fit-toroq sbieħ tal-kampanja fiż-żona b’karozza tal-linja antika. Dan kollu waqt l-istess wirja statika tal-karozzi.

Sidien oħra ta’ karozzi klassiċi li mhumiex membri tal-Old Motors Club Malta u jixtiequ li jipparteċipaw jistgħu jagħmlu dan billi jikkuntattjaw lill-klabb fuq info@oldmotorsclub.com.

L-ispettaklu se jkun miftuħ għall-pubbliku bejn id-9:30am u 12pm.